STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg jiftaħ il-Forum dwar l-Ospitalità ta’ Malta 2025 tal-MHRA
Il-kwalità u s-sostenibilità jsiru ħaġa waħda fl-impenn kondiviż għall-ħarsien tas-sbuħija tal-gżejjer Maltin
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg fetaħ uffiċjalment il-Forum dwar l-Ospitalità ta' Malta 2025, imtella' mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), fil-Qawra, it-Tlieta filgħodu.
Bit-tema “Malta Sabiħa", din is-sena dan il-Forum qed jenfasizza l-importanza li l-esperjenza ta' dawk li jżuru l-gżejjer Maltin tkompli tisseddaq, b'diskussjonijiet dwar diversi elementi li jagħmlu lil Malta destinazzjoni kompetittiva u maħbuba mill-viżitaturi.
Fid-diskors tal-ftuħ, id-Deputat Prim Ministru Borg laqa' t-tema tal-Forum filwaqt li saħaq dwar il-ħtieġa li kulħadd japprezza, iħares u jgħolli 'l fuq is-sbuħija unika tal-gżejjer Maltin. “Għad għandna sfidi x'negħlbu u oqsma fejn jeħtieġ titjib, iżda ħadd ma jista' jiċħad li s-sbuħija tal-esperjenza ta' btala f'Malta qed tkompli tattira aktar u aktar viżitaturi sena wara l-oħra. Kull sforz biex insaħħu l-kwalitajiet uniċi li jiġbdu t-turisti lejn il-gżejjer tagħna jaqblu bi sħiħ mal-istrateġija tagħna, u ninsabu lesti li nappoġġjaw lil dawk kollha involuti f'din l-industrija, biex nimxu f'din id-direzzjoni," qal Dr Borg.
Il-Gvern qed jaħdem lejn turiżmu b'livelli kostanti matul is-sena kollha, li jattira turisti li jfittxu l-aqwa karatteristiċi, esperjenzi u dak kollu li għandhom x'joffru d-destinazzjonijiet li jagħżlu. “Hekk kif qed nipproponu fil-Viżjoni Malta 2050, qed nimmiraw għal turiżmu li jkun f'armonija mal-ambjent soċjali u naturali, turiżmu li jirrispetta l-pajsaġġ, it-tradizzjonijiet, il-komunitajiet u dak kollu li jista' jiġi ppreżentat lil dawk li jżuruna bħala parti minn esperjenza unika u ġenwina. Huma aspetti bħal dawn li jattiraw turisti li jafu jagħżlu l-aqwa kwalità, u li jkunu lesti jħallsu aktar għalihom," spjega Dr Borg.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità dwar it-Turiżmu ta' Malta (MTA) għaddejjin b'ħidma sħiħa biex jiddiversifikaw dak li Malta għandha x'toffri lit-turisti, billi kontinwament joħolqu oqsma u raġunijiet differenti għaliex it-turisti jistgħu jżuru l-pajjiż. Fid-dawl ta' dan, Malta hija mogħnija b'firxa ta' esperjenzi u opportunitajiet naturali, oħrajn magħmula mill-bniedem, kif ukoll dawk kulturali, kulinarji, tanġibbli u intanġibbli. Imdawra bl-ibħra mill-isbaħ u temp favorevoli, din il-firxa ta' kwalitajiet joħolqu diversifikazzjoni li pajjiżi kompetituri akbar minn Malta jsibu ferm diffiċli biex jiksbu.
“Dan kollu jorbot mas-sostenibilità, hekk kif ipoġġi lit-turiżmu u dawk il-kwalitajiet f'Malta, Għawdex u Kemmuna li jixirqilhom il-ħarsien fl-istess ċiklu ta' valur. B'hekk, it-turiżmu aktar ma jmur aktar jeħtieġ jappoġġja dawk l-elementi li mhux biss jiddistingwuna minn destinazzjonijiet oħrajn, iżda wkoll li aħna lkoll responsabbli li nippriservaw għal ta' warajna. B'dan il-mod, it-turiżmu ta' kwalità u t-turiżmu sostenibbli jsiru ħaġa waħda," stqarr id-Deputat Prim Ministru Borg.
Tkellem ukoll dwar l-impenn kontinwu sabiex tkompli tissaħħaħ it-taħlita ta' konnessjonijiet bl-ajru lejn pajjiżi fil-qrib u oħrajn aktar 'il bogħod, anke billi jiġu attirati titjiriet diretti fit-tul (long haul). Spjega wkoll iż-żieda fl-operat ta' riklamar tal-MTA, bi preżenza akbar barra l-pajjiż u b'inizjattivi ta' riklamar diġitali mmirati lejn swieq partikolari.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN