STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Id-drittijiet tal-ħaddiema f’Malta diskussi waqt laqgħa bejn l-Isqfijiet ta’ Malta u l-MCESD
F'laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), l-Arċisqof ta' Malta Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u l-imsieħba soċjali, iddiskutew rapport dwar id-drittijiet tal-ħaddiema fis-soċjetà Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul matul id-diskors tiegħu saħaq li tul dawn l-aħħar snin il-Gvern wera biċ-ċar li jemmen fil-ħiliet ta' kull ħaddiem f'pajjiżna, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom. Semma miżuri kuraġġużi li ttieħdu, fosthom ir-regoli l-ġodda għall-ħaddiema tal-pjattaforma diġitali, jiġifieri dawk involuti fil-kunsinna ta' prodotti għall-konsumatur, bħall-ikel; liema regoli assiguraw id-dritt ta' pagi u kundizzjonijiet tajba għal dawk il-ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi. Is-Segretarju Parlamentari Ellul għamel aċċenn ukoll għall-miżura li permezz tagħha ġew projbiti ż-Zero Hour Contracts, liema kuntratti ta' xogħol kienu joħolqu prekarjat u stress fost il-ħaddiema.
B'referenza għall-aġenziji tax-xogħol imsemmija fir-rapport, is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern għaraf li kien hemm bżonn qafas regolatorju biex l-operaturi serji jitħallew ikattru l-ġid f'pajjiżna. Għalhekk, is-sena li għaddiet ġiet introdotta l-ikbar riforma industrijali s'issa, li permezz tagħha, sabiex aġenzija tax-xogħol tkun tista' topera jrid ikollha liċenzja valida; dan flimkien ma' penali ħorox għal min jinstab li jkun qiegħed jabbuża. “Għal dan il-Gvern, l-isfruttament huwa inaċċettabbli. Kien għalhekk li daħħalna l-Equal Pay for Work of Equal Value, biex il-ħaddiema li jkunu impjegati ma' aġenziji tax-xogħol ikollhom id-dritt għal paga u kundizzjonijiet dinjitużi," saħaq Dr Ellul.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul temm jgħid li dawn ir-riformi kollha qed jinħassu u bdew itejbu l-kwalità tal-ħajja ta' eluf ta' ħaddiema f'Malta. “Hekk biss nistgħu nkomplu nkattru x-xogħol f'pajjiżna, filwaqt li d-dinjità u l-ħiliet tal-ħaddiema jiġu rispettati," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
L-Arċisqof Charles Scicluna enfasizza fuq l-importanza tal-akkomodazzjoni affordabbli għaċ-ċittadini ħaddiema, kemm Maltin kif ukoll barranin. Huwa appella lill-imsieħba soċjali biex jagħtu l-appoġġ tagħhom sabiex iż-żgħażagħ minn kull sfond ikunu jistgħu jibnu futur b'dinjità. Huwa semma wkoll kif il-Knisja, flimkien mal-Istat, waqqfet il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, li toffri soluzzjonijiet ta' akkomodazzjoni bi prezzijiet aċċessibbli għal persuni bi dħul baxx u medju. Dan juri kif djalogu miftuħ jista' jwassal għal inizjattivi konkreti għall-ġid tan-nazzjon.
Dwar il-migrazzjoni, l-Arċisqof Scicluna saħaq li l-Knisja f'Malta qed tagħmel ħilitha biex tgħin komunitajiet Kattoliċi barranin f'Malta jħossuhom milqugħin fis-soċjetà permezz ta' sostenn pastorali u spiritwali. L-Arċisqof saħaq li l-preżenza sabiħa ta' dawn ħutna tinħass sew fil-parroċċi tagħna.
Il-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Daniel Darmanin, spjega li dan ir-rapport tal-Knisja hu xhieda ta' kemm l-iżvilupp ma jitkejjilx bil-kwantità jew bil-ġid, iżda bil-kwalità tal-ħajja. Sostna li l-profitt mhuwiex kollox fil-ħajja u għalhekk hu importanti li dejjem jiġu rispettati d-dinjità u l-benesseri ta' kull individwu.
Waqt din il-laqgħa, l-MCESD iddiskutew ukoll il-ħtieġa li s-servizzi pubbliċi jkunu ppreparati biex ilaħħqu mal-bidliet demografiċi li qed iseħħu, filwaqt li enfasizzaw l-importanza ta' kundizzjonijiet ta' xogħol ġusti u dinjitużi għal kulħadd.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN