STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Tittella’ l-konferenza “Ageing with Affection 2025”
Aktar minn 300 delegat attendew għall-konferenza nazzjonali “Ageing with Affection 2025" organizzata mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Il-konferenza ffokat fuq suġġetti ta' intimità, sesswalità u konnessjoni emozzjonali fil-proċess tal-anzjanità, temi li spiss jiġu injorati iżda li għandhom impatt kbir fuq il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani.
Fid-diskors tiegħu waqt il-ftuħ tal-konferenza, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela saħaq dwar l-importanza li jkunu inklużi persuni anzjani f'diskussjonijiet li jirrigwarda lilhom, speċjalment f'oqsma daqshekk sensittivi, il-persuna anzjana trid tkun parti minn kull deċiżjoni u strateġija. “Huwa ta' pjaċir nara li materja sensittiva bħall-intimità u s-sesswalità fl-anzjanità qed jiġu mogħtija importanza u profil fi strateġiji ħolistiċi f'dan is-settur," temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.
Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea qal: “Meta nitkellmu fuq anzjanità attiva, irridu nkunu lesti nitkellmu dwar il-ħajja kollha, mhux biss il-kura medika jew il-ħin liberu. L-intimità, is-sentimenti u r-relazzjonijiet personali jibqgħu kruċjali f'kull fażi tal-ħajja. Il-konferenza tal-lum tagħti spazju għar-rispett lejn il-ħajja affettiva tal-anzjani tagħna."
Il-programm inkluda diversi diskorsi, fosthom minn Prof. Sharon Hinchliff mill-Università ta' Sheffield u Matthew Bartolo ta' Willingness Malta, kif ukoll panels u sessjonijiet paralleli minn esperti lokali u internazzjonali. Is-suġġetti kienu jvarjaw minn sesswalità fid-dimensja u kura f'djar tal-anzjani, għal queer ageing u saħħa sesswali f'età aktar avvanzata.
Waqt il-konferenza ġew inklużi wkoll testimonjanzi reali minn koppji li għaddew mill-esperjenzi tad-dimensja, u li kkontribwew għal diskussjonijiet sinċieri u profondi dwar sfidi u soluzzjonijiet prattiċi.
Fl-għeluq tal-konferenza, il-Prof. Marvin Formosa rrefera għal dan bħala pass sinifikanti lejn inklużjoni sħiħa fil-qasam tal-kura għall-anzjani, filwaqt li s-Segretarju Permanenti Dr Renzo De Gabriele appella għal aktar taħriġ u sensibilizzazzjoni fis-settur.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN