STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta tagħlaq ir-Raba’ Konvenzjoni Ewropea għal dawk li Jaħdmu maż-Żgħażagħ
Wara tlett ijiem ta’ diskussjonijiet, workshops u skambji ta’ ideat, intemmet b’suċċess ir-raba’ edizzjoni tal- Konvenzjoni Ewropea għal dawk li Jaħdmu maż-Żgħażagħ (European Youth Work Convention) li saret f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 500 rappreżentant minn 41 pajjiż.
Il-Konvenzjoni, li ġiet ospitata mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, kienet ċelebrazzjoni tal-impenn tal-Ewropa lejn politika u xogħol ta’ kwalità għaż-żgħażagħ. Din l-edizzjoni kellha bħala t-tema prinċipali Youth Work Xcelerate, b’enfasi fuq kif il-politika taż-żgħażagħ tista’ tiġi mmodernizzata u mwettqa b’aktar impatt.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi indirizza l-għeluq tal-Konvenzjoni fejn faħħar il-kontribut attiv taż-żgħażagħ, il-ħaddiema maż-żgħażagħ u dawk kollha li pparteċipaw.
“Matul din il-Konvenzjoni, nħolqot mappa għal futur fejn ix-xogħol maż-żgħażagħ ikun mhux biss rikonoxxut, imma appoġġjat bħala parti integrali fil-politika Ewropea. Dan l-avveniment ma kienx sempliċiment laqgħa ta’ diskussjoni, iżda kien eżempju konkret ta’ Ewropa li tisma’, tappoġġja u timxi flimkien maż-żgħażagħ tagħha,” qal il-ministru.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza wkoll l-importanza tal-Fondi Ewropej f’dan is-settur u ta’ programmi bħall-Erasmus+ u l-European Solidarity Corps, li jgħinu biex iż-żgħażagħ ikollhom opportunitajiet ta’ tagħlim u volontarjat fil-livell Ewropew. Huwa rrimarka kif bejn l-2023 u l-2024, Malta rreġistrat kważi 3,000 parteċipant f’attivitajiet ta’ mobbiltà għat-tagħlim għaż-żgħażagħ permezz tal-Erasmus+, bis-sapport ta’ 390 organizzazzjoni taż-żgħażagħ.
Fost il-kelliema tas-serata, tkellmu wkoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, kif ukoll il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport, Glenn Micallef.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal: “X’jiġri minn hawn ’il quddiem ma jiddependix fuq istituzzjoni waħda jew pajjiż wieħed biss, jiddependi fuqna lkoll: dawk li jagħmlu l-politika, l-awtoritajiet lokali, l-entitajiet tal-UE, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-ħaddiema taż-żgħażagħ, ir-riċerkaturi, u ovvjament, iż-żgħażagħ infushom. Kull wieħed u waħda minna għandna rwol importanti biex nagħtu ħajja lil dak li ħareġ minn dan il-Konvenzjoni – biex ninkorporawh fil-politiki tagħna, napplikawh fil-prattika tagħna, u nippromwovuh fid-diskussjonijiet tagħna dwar il-futur taż-żgħażagħ fl-Ewropa. Flimkien, nistgħu niżguraw li l-ħidma li bdejna hawn issir pedament sod għal futur aktar inklussiv għall-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ kollha."
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Ewropew Glenn Micallef enfasizza l-ħtieġa li l-politika Ewropea tibqa’ tisma’ lin-nies li jaħdmu direttament maż-żgħażagħ. Huwa sostna li: “Ix-xogħol maż-żgħażagħ mhuwiex biss investiment fis-soċjetà, iżda investiment fid-demokrazija, fil-ġustizzja interġenerazzjonali, u fil-futur tal-proġett Ewropew innifsu.”
Fis-serata tkellmet ukoll ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, l-E.T. l-Ambaxxatriċi Francesca Camilleri Vettiger kif ukoll il-President tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, Rareș Voicu u d-Direttur tal-Parteċipazzjoni Demokratika fil-Kunsill tal-Ewropa, Matjaž Gruden.
Il-Konvenzjoni kienet ukoll forum biex tiġi diskussa r-Roadmap Ewropea għax-Xogħol maż-Żgħażagħ, b’impenn mill-pajjiżi kollha preżenti biex jgħollu l-istandards u tissaħħaħ l-kooperazzjoni, filwaqt li jiżdied r-rikonoxximent lejn dan il-qasam tant importanti.
Fi tmiem is-serata il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi rrimarka li Malta, bħala pajjiż żgħir, iżda b’vuċi b’saħħitha, offriet tmexxija effettiva f’dan il-proċess. Huwa għalaq b’ringrazzjament lill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa, Aġenzija Żgħażagħ u l-EUPA għall-koordinazzjoni eċċellenti sabiex din il-Konvenzjoni tkun ta’ suċċess.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN