STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Il-vuċi tal-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin riflessa fil-Politika Agrikola Ewropea
Fi Brussell, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo attenda għall-Kunsill tal-Ministri Ewropew tal-Agrikoltura. Fost it-temi diskussi kien hemm dik dwar il-viżjoni li għandha l-Ewropa għall-agrikoltura u l-ikel u l-Politika Agrikola Komuni (PAK).
Il-Ministru Refalo laqa' b'sodisfazzjon li l-vuċi tal-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin ġiet riflessa b'mod ċar fil-Politika Agrikola Komuni (PAK). Wara konsultazzjonijiet estensivi mal-operaturi agrikoli f'Malta u f'Għawdex, Malta laqgħet l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea għal PAK simplifikata u bbażata fuq għajnuna diretta fejn il-pagamenti jibqgħu strument essenzjali biex jiġi garantit dħul stabbli lill-bdiewa.
Il-Ministru Refalo saħaq ukoll fuq il-bżonn ta' flessibbiltà fl-ekoskemi u fl-implimentazzjoni tal-miżuri, sabiex jiġu adattati għar-realtajiet lokali. “Il-bdiewa qed jiffaċċjaw pressjonijiet relatati mal-prezzijiet tal-materja prima u l-prezzijiet tat-trasport. Malta bħala gżira għandha spejjeż operattivi ogħla, u għalhekk irridu politika Ewropea bbażata fuq l-evidenza, flessibbli u reattiva," sostna l-ministru.
Matul il-Kunsill, il-ministru saħaq ukoll fuq l-importanza tat-tiġdid ġenerazzjonali u l-użu tat-teknoloġija bħala pilastri għat-trasformazzjoni tas-settur. “Nilqgħu bi pjaċir il-proposti marbuta mal-innovazzjoni fl-irrigazzjoni u l-investiment f'sistemi intelliġenti. Il-futur tal-agrikoltura Ewropea jeħtieġ li tattira wkoll żgħażagħ u tagħti appoġġ lill-bdiewa żgħar," temm jgħid il-Ministru Refalo.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN