STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI: Il-Ministru Attard jisħaq fuq suq tal-proprjetà kompetittiv, stabbli u sostenibbli fl-AGM tal-Property Malta Foundation
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard indirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Property Malta Foundation, fejn afferma mill-ġdid l-impenn tal-Gvern favur żvilupp sostenibbli, investiment responsabbli, u standards ogħla fis-setturi tal-kostruzzjoni u dak tal-proprjetà.
Il-Fondazzjoni, li twaqqfet fl-2017, hija mmirata li tgħaqqad żviluppaturi tal-proprjetà, aġenti tal-bejgħ, u sidien ta' proprjetà li għandhom interess li jippromwovu u jbigħu proprjetà residenzjali u kummerċjali lil investituri ta' kwalità. Sa mit-twaqqif tagħha, il-Fondazzjoni kellha rwol ewlieni fit-titjib tas-settur tal-proprjetà f'Malta u li ttejjeb il-viżibbiltà tiegħu fuq livell internazzjonali.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru faħħar l-isforzi kontinwi tal-Fondazzjoni u enfasizza dwar is-serjetà tar-riformi li għaddej minnhom is-settur. “Dan il-proċess ta' riformi mhuwiex biss kliem sabiħ fuq il-karta – imma proċess li qiegħed iwitti t-triq lejn standards ogħla, aktar trasparenza, u responsabbiltà," qal Dr Attard.
Il-Ministru elenka l-pilastri ewlenin tar-riformi li għaddej minnhom is-settur:
- Kollaborazzjoni eqreb mal-awtoritajiet regolatorji biex titjieb l-effiċjenza operattiva u r-reattività.
- Qafas leġiżlattiv aktar b'saħħtu li jsaħħaħ ir-responsabbiltà individwali u kollettiva fost il-professjonisti u l-operaturi fis-settur.
- Kultura ta' integrità fejn f'kull proġett il-kwalità mhijiex prinċipju negozjabbli.
Il-Ministru Attard sostna, “Permezz tal-ħidma tagħkom, mhux biss qed tippromwovu s-suq tal-proprjetà, iżda wkoll ir-reputazzjoni ta' pajjiż miftuħ għan-negozju bbażat fuq valuri sodi." Huwa semma wkoll l-impatt b'saħħtu u pożittiv dejjem jikber tal-fondazzjoni fuq livell internazzjonali, fosthom biż-żjara riċenti fl-Arabja Sawdija. Huwa ddeskriva din iż-żjara bħala “esperjenza pożittiva ferm li wriet il-professjonalità tat-tim u r-rispett li Malta tgawdi f'dan is-settur."
Semma wkoll il-Konferenza Nazzjonali tal-Proprjetà bħala pjattaforma kruċjali għal djalogu settorjali u ppjanar strateġiku, li toffri spazju biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u dawk tal-futur. Barra minn hekk, il-Ministru faħħar ir-rwol attiv tal-Fondazzjoni fit-twaqqif tal-Aġenzija tas-Suq tal-Proprjetà – korp regolatorju li jimmarka pass importanti fl-iżvilupp tas-suq tal-proprjetà f'Malta.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-Ministru rringrazzja liċ-Chairman tal-Fondazzjoni, Sandro Chetcuti, lill-membri tal-Bord, u lill-partijiet interessati kollha – kemm pubbliċi kif ukoll privati. “Inħarsu 'l quddiem b'determinazzjoni sabiex inżommu suq tal-proprjetà kompetittiv, stabbli u sostenibbli – imsejjes fuq serjetà, integrità, u innovazzjoni," temm jgħid il-Ministru Attard.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-Property Malta Foundation, Sandro Chetcuti faħħar lill-Ministeru għax-xogħol siewi li qed iwettaq u l-importanza li l-Gvern qed jagħti lis-settur. “L-interess fix-xiri u l-bejgħ ta' proprjetà ġewwa pajjiżna huwa wieħed b'saħħtu u l-Fondazzjoni se tkun minn ta' quddiem nett biex tieħu inizjattivi ġodda sabiex l-investiment fil-kwalità dejjem jibqa' jitjieb," stqarr Chetcuti.
Ritratti: MJR/DOI
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN