STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg itella’ l-bandiera Maltija fi Strasburgu, hekk kif Malta tiftaħ uffiċjalment il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa 2025
Hekk kif tella’ l-bandiera Maltija fi Place de la République, fiċ-ċentru ta’ Strasburgu, nhar l-Erbgħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg uffiċjalment ta bidu għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa 2025.
Din iċ-ċerimonja simbolika fetħet b’mod uffiċjali l-programm politiku u kulturali ta’ sitt xhur, bħala parti mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa. Din hija r-raba’ Presidenza ta’ Malta minn meta saret membru ta’ din l-Organizzazzjoni sittin sena ilu.
“Iċ-ċerimonja tat-tlugħ tal-bandiera ta’ llum tfisser kapitlu ġdid u wegħda li niddefendu l-valuri li jgħaqqduna, li nħarsu d-drittijiet u d-dinjità tal-bnedmin kollha, u li nkomplu nwettqu l-missjoni ta’ din l-istituzzjoni bil-kliem u bl-azzjoni,” qal id-Deputat Prim Ministru.
“F’mument meta l-gwerra għadha qed tikkawża tbatija fuq il-kontinent tagħna, il-Kunsill tal-Ewropa għandu jibqa’ tama ta’ ġustizzja, responsabbiltà u reżiljenza demokratika. Permezz ta’ din il-Presidenza, ser inkomplu nsaħħu u nippromwovu l-konvinzjoni tagħna li d-diplomazija u l-kooperazzjoni hija l-unika triq għall-paċi u progress dejjiemi,” qal Ian Borg.
Aktar kmieni nhar l-Erbgħa, fil-kariga tiegħu bħala President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, id-Deputat Prim Ministru fetaħ ukoll l-ewwel laqgħa tad-Deputati tal-Ministri waqt il-Presidenza Maltija. Huwa ppreżenta wkoll il-programm u l-prijoritajiet ta’ Malta, u stieden lill-45 stat membru l-oħra sabiex jappoġġjaw l-inizjattivi ppjanati.
Minn meta Malta ħadet it-tmun tal-Presidenza mingħand il-Lussemburgu fl-14 ta’ Mejju, Malta diġà ospitat diversi laqgħat, fosthom it-12-il Forum Ewropew IDAHOT+ u t-tielet sessjoni tal-ADI-SOGIESC, li se sservi ta punt tat-tluq għal rakkomandazzjoni ġdida dwar id-drittijiet tal-persuni intersex. Ftit jiem ilu, Malta laqgħet ukoll il-Kumitat Permanenti tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
Din il-ġimgħa, il-Gżejjer Maltin qed jospitaw ukoll ir-raba’ Konvenzjoni Ewropea dwar ix-Xogħol taż-Żgħażagħ, li qed tlaqqa’ madwar 500 parteċipant li flimkien ser ifasslu l-futur tax-xogħol taż-żgħażagħ Ewropej.
L-ewwel appuntament uffiċjali tal-Presidenza f’Strasburgu, li sar b’kollaborazzjoni mal-Ukrajna, kien it-tnedija tal-pubblikazzjoni ‘Ukraine is not Silent: Chronicles of Fighting Against War-Related Sexual Violence’. “Din il-pubblikazzjoni hija tfakkira f’waqtha tal-ħtieġa urġenti għall-ġustizzja u r-responsabbiltà għall-atroċitajiet imwettqa mill-Federazzjoni Russa. Malta ser tkompli ssostni s-solidarjetà mal-poplu Ukren,” stqarr Ian Borg.
Nhar l-Erbgħa filgħaxija, ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa ser tagħti bidu ukoll għal programm kulturali tal-Presidenza, b’serata ta’ mużika, teatru u poeżija Maltija f’Palais Universitaire.
Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa minn Mejju sa Novembru 2025, li qed tiġi ċċelebrata flimkien mas-sittin anniversarju mis-sħubija ta’ Malta f’din l-organizzazzjoni, qed tagħti prijorità lill-protezzjoni tat-tfal, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, is-setgħa liż-żgħażagħ, u l-ħarsien tad-demokrazija u s-saltna tad-dritt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN