Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Iffirmat ftehim li se jsaħħaħ il-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità fis-settur agrikolu

PR250916
Date Icon 28/05/2025

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, flimkien mal-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, f’isem il-Malta Trust Foundation, iffirmaw ftehim li permezz tiegħu se jingħata appoġġ dirett lil tfal u żgħażagħ b’diżabilità permezz ta’ programmi edukattivi u terapewtiċi marbuta mal-agrikoltura u l-ambjent rurali.

Permezz ta’ dan il-ftehim il-Ministeru se jagħti lill-Fondazzjoni għodod, riżorsi u linji gwida tekniċi sabiex jiġu żviluppati inizjattivi relatati mas-settur agrikolu li jgħinu fit-tkabbir u l-iżvilupp personali ta’ tfal u żgħażagħ b’diżabilità.

Il-Ministru Refalo qal, “Il-ħidma li ilha tagħmel il-Malta Trust Foundation, taħt il-gwida tal-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, hija eżempju ċar ta’ kif nistgħu noħolqu aktar opportunitajiet għal dawk li għandhom bżonn appoġġ speċjalizzat biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.”

“Il-ftehim li ffirmajna llum mhux biss juri l-apprezzament tagħna lejn il-ħidma tal-Fondazzjoni, imma huwa wkoll messaġġ ċar ta’ solidarjetà u impenn biex nagħtu spinta lil dawn l-inizjattivi permezz tal-għarfien u r-riżorsi li għandu l-Ministeru fil-qasam agrikolu,” żied jgħid il-Ministru Refalo.

L-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca semmiet li Dar Saura fir-Rabat, li ġiet fdata lill-Malta Trust Foundation, qed tinbidel f’National Empowerment Hub li se jservi ta’ spazju speċjalizzat għat-twettiq ta’ programmi terapewtiċi u kreattivi għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità. “Dan il-ftehim qed inqisuh bħala l-ewwel pedament essenzjali li fuqu se nibnu l-Intrapriża Soċjali f’Ta’ Saura National Empowerment Hub. Dan il-ftehim se jservi biex fil-futur joffri taħriġ lil żagħżugħa b’diżabilità li jixtiequ jaħdmu fil-qasam agrikolu b’taħriġ fil-kultivazzjoni tal-pjanti u l-ħxejjex.”

“The Malta Trust Foundation temmen bis-sħiħ fil-qawwa tal-kollaborazzjoni, u permezz ta’ dan il-Hub hija determinata li tibni koalizzjoni nazzjonali sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ, irrispettivament mill-isfidi tagħhom, jingħataw l-opportunità li jiżviluppaw ħiliet ġodda u jiksbu indipendenza u dinjità permezz tax-xogħol,” temmet tgħid l-Eċċellenza tagħha Marie-Louise Coleiro Preca.

Il-programmi ppjanati se jinkludu tagħlim esperjenzjali, attivitajiet fil-beraħ u introduzzjoni għal tekniki agrikoli adattati, sabiex iż-żgħażagħ involuti jkunu jistgħu jiksbu ħiliet ġodda, joħolqu kuntatt man-natura, u jsaħħu l-kunfidenza fihom infushom.

Dan il-ftehim jagħmel parti minn politika aktar wiesgħa tal-Ministeru biex jintegra l-agrikoltura bħala għodda edukattiva, terapewtika u soċjali, b’viżjoni għal Malta aktar inklussiva u sostenibbli.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Iffirmat ftehim li se jsaħħaħ il-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità fis-settur agrikolu
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Iffirmat ftehim li se jsaħħaħ il-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità fis-settur agrikolu
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Iffirmat ftehim li se jsaħħaħ il-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità fis-settur agrikolu
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow