Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU

PR250908
Date Icon 27/05/2025

Id-Deputat Prim Ministru Borg jiltaqa’ mal-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Imħallef Marko Bošnjak flimkien mal-President-Elett, l-Imħallef Mattias Guyomar

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, iltaqa’ mal-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), l-Imħallef Marko Bošnjak, flimkien mal-President-Elett l-Imħallef Mattias Guyomar fi Strasburgu, nhar it-Tlieta.

L-Imħallef Guyomar ġie elett President tal-QEDB ix-xahar li għadda u ser jibda’ t-terminu ta’ tliet snin proprju nhar il-Ġimgħa li ġej. F’dawn il-jiem, id-Deputat Prim Ministru Borg jinsab fi Strasburgu sabiex jippresjedi l-ewwel laqgħa tad-Delegati tal-Ministri waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, li bdiet fl-14 ta’ Mejju, għal sitt xhur.

Dr Borg irringrazzja lill-President Bošnjak tal-ħidma tiegħu tul il-mandat tiegħu filwaqt li feraħ lill-Imħallef Guyomar għall-kariga l-ġdida tiegħu. Id-Deputat Prim Ministru nnota li Malta tħares ’il quddiem sabiex tkompli taħdem id f’id mal-Qorti fis-snin li ġejjin. Huwa laqa’ wkoll il-kollaborazzjoni li għaddejja bħalissa bejn il-Presidenza Maltija u l-QEDB fid-dawl taċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq il-75 sena tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, it-trattat tal-1950 li jħares id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bnedmin fis-46 stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa.

Ġew diskussi wkoll sentenzi tal-QEDB marbutin ma’ Malta fejn il-President irrimarka r-relazzjoni ferm pożittiva ma’ Malta fl-aħħar snin kif ukoll il-kollaborazzjoni kontinwa. “Dawn is-sentenzi kienu kruċjali biex jiggwidaw ir-riformi tagħna, hekk kif nibqgħu impenjati li kontinwament naġġornaw il-leġiżlazzjoni tagħna sabiex niżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom,” qal id-Deputat Prim Ministru Malti.

Nhar l-Erbgħa, wara li jiftaħ il-laqgħa tad-Delegati tal-Ministri fil-Palais de l’Europe, id-Deputat Prim Ministru Borg ser jiftaħ uffiċjalment il-ħidma tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa b’ċerimonja simbolika, hekk kif tittella’ l-bandiera Maltija fi Place de la République.

Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, bejn Mejju u Novembru ta’ din is-sena,  fis-60 anniversarju mis-sħubija ta’ Malta f’din l-organizzazzjoni, qed tpoġġi fuq quddiem tal-aġenda tagħha l-ħarsien tat-tfal, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, is-setgħa liż-żgħażagħ, u l-ħarsien tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow