STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Tiġi fi tmiemha b’suċċess l-ewwel edizzjoni tal-Malta School Games
Il-ġimgħa finali tal-Malta School Games 2025 ġiet fi tmiemha llum b’ċerimonja li saret waqt l-Expo tas-Servizz Pubbliku li qed issir fl-MFCC f’Ta’ Qali. Dan l-avveniment ġab flimkien għall-ewwel darba, eluf ta’ tfal minn skejjel madwar Malta u Għawdex. Għal din il-fażi finali pparteċipaw madwar 2,000 student minn 50 skola statali, privata u indipendenti, magħżula minn fost eluf ta’ parteċipanti fil-fażijiet li saru matul ix-xhur li għaddew.
“Nifraħ mhux biss lir-rebbieħa imma lill-parteċipanti kollha, l-istudenti kollha li flimkien mal-edukaturi tagħhom ħadu sehem f’din l-ewwel edizzjoni tal-Malta School Games”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima waqt iċ-ċerimonja tal-għeluq. “Matul il-perkors ta’ dan il-logħob rajna b’mod ħaj is-sbuħija tal-ispirtu sportiv, l-għaqda bejn l-istudenti u wkoll ir-rieda tal-istudenti biex jirnexxu.”
Il-ġimgħa tal-finali tal-Malta School Games 2025, li ntemmet biċ-ċerimonja tal-lum, infetħet b’ċerimonja ċelebrattiva fil-Kumpless Sportiv tal-Basketball f’Ta’ Qali, avveniment li ġab flimkien mijiet ta’ tfal minn skejjel madwar Malta u Għawdex. Dan kien avveniment li beda fi Frar meta torċa simbolika żaret kull kulleġġ u li matulu eluf ta’ studenti ħadu sehem f’kompetizzjonijiet preliminari madwar il-pajjiż. Din kienet ċelebrazzjoni ta’ edukazzjoni ħolistika – fejn l-isport iħarreġ mhux biss il-fiżika imma wkoll il-karattru.
Il-Ministru Grima spjega li l-Malta School Games jissimbolizzaw il-qofol tal-investiment fit-tfal, investiment dirett fl-edukazzjoni fiżika, bi programmi ta’ attività fiżika u sport, żieda fil-lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika fil-kurrikulu u investiment fl-infrastruttura edukattiva fl-iskejjel konnessa mal-isport. Huwa qal li dan huwa parti mill-viżjoni li titrawwem ġenerazzjoni attiva, b’saħħitha u konxja tas-saħħa mentali u fiżika tagħha.
“Dan il-logħob ma kienx biss kompetizzjoni imma ċelebrazzjoni tal-ħbiberija, tad-dixxiplina, u tal-passjoni għall-isport. Il-Malta School Games isaħħu l-valuri tal-inklużjoni, l-ispirtu ta’ tim u l-edukazzjoni barra mill-klassi – esperjenza li tibqa’ mal-istudenti għal tul ta’ żmien”, qal il-Ministru Grima.
Matul din il-ġimgħa, saru l-finali nazzjonali f’diversi dixxiplini sportivi, fosthom football, basketball, handball, volleyball, table tennis u atletika, għal studenti ta’ bejn id-9 u s-16-il sena. L-attivitajiet se jsiru f’faċilitajiet ewlenin fosthom il-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali, it-Training Grounds f’Ta’ Qali, l-Istitut għall-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport, il-Pixxina Nazzjonali, fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera u l-Istadium Matthew Micallef St John fil-Marsa.
Il-finali saru proprju f’din il-ġimgħa meta qed tittella’ l-Public Service Expo 2025, li matulha hemm numru kbir ta’ attivitajiet ta’ interess għall-familja kollha.
Il-Malta School Games juru kif l-isport, l-edukazzjoni u l-inklużjoni jgħinu biex jinbena l-futur tal-istudenti. Il-ministeru se jibqa’ impenjat li joħloq aktar opportunitajiet biex l-istudenti jirnexxu fl-iskejjel u fil-ħajja, b’hekk flimkien mal-edukaturi u s-settur sportiv, tkun immarkata differenza fil-futur tas-soċjetà.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN