STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Tliet ftehimiet kollettivi iffirmati waqt il-Public Service Expo Village 25
Waqt il-Public Service Expo Village 25 li qiegħda ssir fl-MFCC Ta' Qali ġew iffirmati tliet ftehimiet kollettivi li jolqtu tliet setturi differenti ta' ħaddiema. Dawn huma l-impjegati tas-Servizz Pubbliku fl-ICT Stream, Social workers tas-Servizz Pubbliku kif ukoll impjegati tal-MCESD. Il-ftehim kollettivi ġew iffirmati fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana.
Il-ftehim settorjali tal-ICT Stream se jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku li jaħdmu f'dan il-qasam. L-impjegati f'dan is-settur ser jitjiebu fil-grad li normalment impjegat jibda l-karriera tiegħu minnu. Dan flimkien ma' struttura ta' gradi mibnija fuq taħriġ kontinwu li toffri karriera lil dawk li jaqdu dmirijiethom f'dan il-kamp. Barra minn hekk l-Istitut tas-Servizz Pubbliku ħareġ skema sabiex jattira u jagħti opportunitajiet lill-istudenti f'dan il-qasam sabiex dejjem jiġi msaħħaħ dan is-settur fis-Servizz Pubbliku. Permezz ta' dan il-ftehim madwar 270 impjegat se jaraw titjib fl-allowances eżistenti kif ukoll introduzzjoni ta' allowances ġodda skont il-grad u l-livell ta' responsabbiltà.
Il-ftehim kollettiv tas-social workers li jaħdmu fis-Servizz Pubbliku qiegħed ikompli jinvesti f'din il-professjoni fejn il-ħaddiema jgħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli fl-oqsma tal-edukazzjoni mal-istudenti u familjari, saħħa mentali għal dawk il-persuni li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi u anzjanità, u fl-Employee Support Programme mal-ħaddiema tal-amministrazzjoni pubblika, fost l-oħrajn. Madwar 40 impjegat li jaqgħu f'dan il-ftehim se jaraw titjib fl-istruttura tal-karriera tagħhom sabiex il-livell ta' din il-professjoni jkompli jitjieb bħal professjonijiet oħra simili li jaħdmu ma' persuni vulnerabbli. Dan permezz ta' titjib fl-istruttura tal-gradi u titjib fl-allowances eżistenti u introduzzjoni ta' allowances ġodda. Introduzzjoni importanti f'dan il-ftehim huwa mekkaniżmu sabiex inħeġġu studenti li jinvestu f'din il-karriera u eventwalment jaqdu dmirijiethom fis-Servizz Pubbliku. Dan sabiex jagħmel dan il-kamp soċjali fi ħdan is-Servizz Pubbliku dejjem aktar attraenti fis-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha u jħajjar studenti sabiex jaqbdu din il-professjoni għal ġid tas-soċjetà tagħna.
Il-ftehim kollettiv tal-MCESD huwa l-ewwel ftehim għall-ħaddiema li jaħdmu b'mod dirett fil-kamp tad-djalogu soċjali u t-tisħiħ fl ekonomija u l-ambitu soċjali. Dan il-ftehim mhux biex biss jassigura u jifformalizza struttura ta' pagi u allowances imma wkoll joffri l-possibbiltà ta' avvanz fil-karriera. Dan huwa ftehim li huwa xhieda ħajja ta' kemm id-djalogu soċjali huwa effettiv meta minkejja kull sfida jitħaddem mill-partijiet bl-għan aħħari li joffri kundizzjonijiet li jirrikonoxxu kemm il-ħtiġijiet ta' min iħaddem u cioe l-entità kif ukoll id- dmirijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN