Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta lesta biex tappoġġja impenn ġdid mill-UE u n-Nazzjonijiet Magħquda lejn stabilità dejjiema fil-Libja

pr250854
Date Icon 20/05/2025

L-eskalazzjoni tal-aħħar jiem turi li l-fraġilità tal-qagħda tal-lum mhijiex sostenibbli, iwissi d-Deputat Prim Ministru Borg

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg sostna li Malta tinsab lesta biex tappoġġja impenn ġdid mill-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Magħquda fil-Libja, lejn istituzzjonijiet magħquda u b’saħħithom, u stabbiltà dejjiema.

Dr Borg esprima t-tħassib ta’ Malta dwar l-aħħar żviluppi fi Tripli, meta kien qed jieħu sehem fil-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-UE li saret fi Brussell, it-Tlieta wara nofsinhar. “L-eskalazzjoni li rajna f’dawn l-aħħar jiem tfakkarna li l-fraġilità tal-qagħda tal-lum mhijiex sostenibbli. Il-firdiet qed jikbru, b’ theddida serja li jerġa’ jiskatta l-kunflitt,” hu wissa.

Id-Deputat Prim Ministru laqa’ t-talba tal-Italja għal involviment aktar attiv tal-UE fil-Libja, sabiex issaħħaħ il-proċess immexxi min-Nazzjonijiet Magħquda. “Malta dejjem saħqet li progress veru u sostenibbli jista’ jseħħ biss permezz ta’ proċess ġenwin, immexxi mil-Libjani nfushom. Madankollu, l-involviment kontinwu tal-komunità internazzjonali jibqa’ meħtieġ, speċjalment għall-ħarsien tas-sovranità tal-Libja, biex jinżamm l-embargo fuq l-armi,  u biex javvanza l-proċess għall-irtirar tal-forzi barranin,” kompla jispjega.

Meta tkellem dwar il-Lvant Nofsani, Dr Borg qal li ispustjar sfurzat tal-persuni minn post għal ieħor imur kontra l-liġi internazzjonali, u insista li “l-ġuħ ma jistax jintuża bħala arma tal-gwerra.” Appella biex b’mod immedjat, l-għajnuna umanitarja terġa’ titħalla tkompli tasal f’Gaża u biex il-liġijiet internazzjonali dwar l-għajnuna umanitarja jiġu rispettati. Id-Deputat Prim Ministru wera t-tħassib ta’ Malta dwar kull azzjoni li tista’ xxekkel l-għan ewlieni tas-soluzzjoni taż-Żewġ Stati, hekk kif tenna s-sejħa għal waqfien immedjat mill-ġlied u l-ħelsien tal-ostaġġi kollha bla ebda kundizzjoni.

Bħala pajjiż li jpoġġi fuq quddiem il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, Malta appoġġjat ukoll it-talba tal-Olanda biex l-UE tagħmel analiżi ta’ Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael.

Dwar l-Ukrajna, Malta faħħret lill-Istati Uniti, lill-istati membri tal-UE, u lill-imsieħba internazzjonali oħrajn għall-isforzi tagħhom biex joħolqu ambjent li jixpruna negozjati lejn paċi ġusta u dejjiema għall-poplu Ukren. “Il-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE li saret fi Lviv aktar kmieni dan ix-xahar uriet il-kapaċità tal-UE li tersaq ’il quddiem b’pożizzjoni magħquda, b’sejħa aktar qawwija għall-waqfien mill-ġlied sħiħ u bla ebda kundizzjoni,” żied jgħid Dr Borg.

Aktar kmieni fl-istess jum, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg ħa sehem fil-Forum Umanitarju Ewropew, li ttella’ mill-Kummissjoni Ewropea, mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni Ċivili u l-Għajnuna Umanitarja, flimkien mal-Presidenza Pollakka tal-UE. Waqt li rrifletta dwar il-kumplessità u l-implikazzjonijiet tas-sigurtà li jeżistu fl-isfidi li qed jiffaċċja n-Nofsinhar, huwa appella lill-UE biex tibqa’ kkonċentrata iżda fl-istess ħin flessibbli, sabiex tkun lesta taġixxi malli tinħass il-ħtieġa.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta lesta biex tappoġġja impenn ġdid mill-UE u n-Nazzjonijiet Magħquda lejn stabilità dejjiema fil-Libja
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta lesta biex tappoġġja impenn ġdid mill-UE u n-Nazzjonijiet Magħquda lejn stabilità dejjiema fil-Libja
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta lesta biex tappoġġja impenn ġdid mill-UE u n-Nazzjonijiet Magħquda lejn stabilità dejjiema fil-Libja
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta lesta biex tappoġġja impenn ġdid mill-UE u n-Nazzjonijiet Magħquda lejn stabilità dejjiema fil-Libja
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow