STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Inawgurat Ċentru ta’ Taħriġ tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol u Programm ta’ Apprendistat
L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) inawgurat uffiċjalment Ċentru ta' Taħriġ ġdid li jpoġġi fil-prattika l-impenn kontinwu tagħha favur is-saħħa u s-sigurtà u l-iżvilupp professjonali fuq ix-xogħol. Fl-istess waqt ġie mniedi wkoll programm ta' taħriġ għall-Uffiċjali - inizjattiva nazzjonali mfassla biex trawwem il-ġenerazzjoni li jmiss ta' professjonisti tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.
“L-inawgurazzjoni taċ-Ċentru ta' Taħriġ tal-OHSA hija xhieda tal-impenn sod ta' dan il-Gvern favur is-saħħa tal-ħaddiema. Bl-investiment fit-taħriġ u fl-edukazzjoni, mhux biss se nkunu qed inżidu l-ħiliet tal-ħaddiema u l-għarfien dwar is-saħħa u s-sigurtà iżda wkoll qed inpoġġu l-pedamenti għal ekonomija aktar reżiljenti. Dan iċ-Ċentru se jkun qed jassigura li s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol se jibqgħu fuq quddiem nett tal-aġenda nazzjonali tagħna, filwaqt li jagħti s-setgħa kemm lill-individwi kif ukoll lin-negozji biex jirnexxu f'ambjent tax-xogħol aktar sigur," qal il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard.
Imfassal b'mod strateġiku sabiex iservi bħala ċentru għall-edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà, iċ-Ċentru se jkun qed joffri taħriġ ta' livell għoli li għandu jwassal għall-ħiliet aħjar għall-ħaddiema, għal min iħaddem, u għall-professjonisti fis-setturi kollha. Dan l-investiment mhux biss se jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-ħaddiema iżda se jappoġġja wkoll is-sostenibbiltà soċjoekonomika ta' Malta.
Iċ-Ċentru ta' Taħriġ se jkun qed joffri numru ta' korsijiet, li jvarjaw minn sessjonijiet introduttorji ta' għarfien għal taħriġ speċjalizzat f'setturi ta' riskju għoli bħall-kostruzzjoni, is-sustanzi perikolużi, u s-sigurtà tal-makkinarju. Minbarra taħriġ prattiku, bħal kif jiġu identifikati l-perikli u r-rispons adegwat f'każ ta' emerġenza, f'ċerti korsijiet se tkun qed tiġi użata wkoll it-teknoloġija tar-realtà virtwali (VR) sabiex it-tagħlim iħalli frott aħjar. L-OHSA se tkun qed taġġorna kontinwament il-kurrikulu biex jirrifletti l-bidliet leġiżlattivi, ir-riskji emerġenti fuq ix-xogħol, u l-avvanzi fit-teknoloġija.
Il-programm ta' taħriġ li ġie varat ikopri fih kemm teorija kif ukoll esperjenza prattika, hekk kif it-trainees se jkunu qed iduru fid-dipartimenti differenti tal-OHSA kull perjodu ta' żmien, jiksbu għarfien espert dwar kif għandhom isiru l-ispezzjonijiet, l-investigazzjoni tal-aċċidenti, l-infurzar tal-liġijiet, u l-evalwazzjoni tar-riskju fost l-oħrajn.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Josianne Cutajar qalet li, “iċ-Ċentru ta' Taħriġ u l-Programm ta' taħriġ mhumiex biss stadji importanti istituzzjonali iżda xhieda tal-viżjoni fit-tul tagħna għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol f'Malta. Permezz ta' dawn l-inizjattivi, qed nagħtu s-setgħa lill-professjonisti, insaħħu l-qafas regolatorju tagħna, nibnu fuq is-sħubijiet tagħna u nistabbilixxu standard għoli għat-taħriġ tal-OHS fil-livelli kollha."
L-OHSA diġà sawret numru ta' sħubijiet b'saħħithom ma' istituzzjonijiet ewlenin, fosthom l-Università ta' Malta, l-MCAST, il-Jobsplus, l-Istitut għas-Servizz Pubbliku (IPS), u l-Malta Occupational Safety and Health Practitioners Association (MOSHPA). Permezz ta' dawn il-kollaborazzjonijiet diġà' qed naraw titjib sostanzjali fl-edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà u fl-iżvilupp professjonali. Fil-futur se jiffukaw fuq ir-riċerka konġunta, l-iżvilupp tal-kurrikulu, u integrazzjoni akbar tal-OHS fit-taħriġ edukattiv u vokazzjonali.
Fil-futur, iċ-Ċentru se jkun qed jindirizza oqsma emerġenti bħall-immaniġġjar tar-riskju diġitali, l-intelliġenza artifiċjali, is-saħħa mentali u r-riskji psikosoċjali, u -saħħa u s-sigurtà f'industriji ġodda inklużi s-sorsi rinnovabbli u l-bijoteknoloġija. L-Officer Trainee Programme huwa mistenni wkoll li jiġi u rikonoxxut bħala taħriġ b'mod formali, b'potenzjal għal ċertifikazzjoni jew akkreditazzjoni akkademika.
Dan l-investiment fir-riżorsa umana, se jgħin biex pajjiżna jkompli jgħolli l-istandard tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, filwaqt li jiżgura li jibqa' fuq quddiem nett fejn tidħol l-eċċellenza fl-OHS u li tkun ippreparata biex tilqa' l-isfidi futuri b' kunfidenza u innovazzjoni.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista' jżur il-websajt tal-OHSA www.ohsa.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN