STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Titnieda l-Iskema għall-Għaqdiet Volontarji f'Għawdex – il-Gozo VO Scheme
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-Gozo VO Scheme, inizjattiva ġdida li għandha l-għan li ssaħħaħ u ssostni l-ħidma tal-għaqdiet volontarji kollha bbażati fil-gżira Għawdxija.
“Qed inniedu skema li għandha l-għan li ssostni l-Għaqdiet Volontarji kollha li huma bbażati f’Għawdex u jwettqu l-ħidma tagħhom fil-gżira Għawdxija. Dan huwa investiment dirett fil-qalb tal-komunità Għawdxija – investiment f'nies li jaħdmu bla heda għall-ġid komuni,” sostna l-Ministru Clint Camilleri.
Il-ministeru alloka €200,000 għal din l-iskema u kull għaqda tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €5,000. Il-Gozo VO Scheme hija miftuħa għal għaqdiet minn kull settur u tinkludi proċess ta’ applikazzjoni sempliċi u effiċjenti li ssir b’mod elettroniku.
Il-ministru kompla jispjega li din l-iskema ġiet ifformulata wara li ġew evalwati l-bżonnijiet tal-Għaqdiet Volontarji u l-esperjenzi pożittivi minn skemi preċedenti bħall-Gozo NGO Scheme u l-Promotion of Sports Initiatives and Facilities Scheme.
L-inizjattivi eliġibbli għall-finanzjament huma maqsuma f’ħames kategoriji ewlenin:
• Titjib ġenerali tal-bini u/jew faċilitajiet;
• Xiri ta’ tagħmir jew apparat;
• Titjib u promozzjoni tat-tradizzjonijiet artistiċi u kulturali Għawdxin;
• Żvilupp u titjib ta’ kompetenzi u ħiliet professjonali; u
• Inizjattivi b’bażi komunitarja.
Il-Ministru Clint Camilleri ħeġġeġ lill-għaqdiet volontarji kollha sabiex japplikaw għal din l-iskema u jagħmlu użu minn dan l-appoġġ finanzjarju biex ikomplu jsaħħu l-ħidma tagħhom f’Għawdex.
L-applikazzjonijiet jinsabu miftuħin u jistgħu jiġu sottomessi sat-Tnejn, 9 ta' Ġunju 2025 f’nofsinhar.
Għal aktar informazzjoni u biex japplika wieħed jista’ jidħol fuq https://vofunding.org.mt/funds/179.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN