STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Imnedija mill-ġdid l-iskema għall-installazzjonijiet kummerċjali ta’ enerġija rinnovabbli
Il-Gvern qed iniedi skema ġdida ta’ sejħa għall-offerti għall-installazzjonijiet li jipproduċu elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli.
“Din l-iskema hija pass ieħor biex inkomplu nsaħħu s-sigurtà fl-enerġija. Irridu nibqgħu nappoġġjaw proġetti fuq skala akbar, filwaqt li niftħu opportunitajiet ġodda għal investiment f’soluzzjonijiet sostenibbli,” qalet il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli waqt it-tnedija.
Aktar minn 40MW ta’ kapaċità ta’ enerġija rinnovabbli se jkunu disponibbli taħt il-proċess ta’ Sejħa għall-Offerti (ITB) 2025, kuntratti għal 20 sena bi ħlas premium għal kull kWh. Dan isegwi sena rekord fejn 30MW ta’ sistemi PV għandhom jiġu installati permezz ta’ kuntratti ffirmati.
Għall-ewwel darba, offerti b’kapaċità bejn 40 u 200kW se jkunu jistgħu jinkludu numru ta’ installazzjonijiet iżgħar minn 40kW f’offerta waħda – dan joħloq opportunitajiet ġodda għal sistemi solari fuq soqfa differenti taħt sejħa waħda li qabel ma kinux jikkwalifikaw taħt il-proċess ITB.
Din is-sena ġew reveduti wkoll ir-regolamenti biex bdiewa reġistrati jkunu jistgħu jinstallaw pannelli fuq is-serer tagħhom filwaqt li jitħares il-prodott agrikolu. Aktar dettalji dwar dan jingħataw fiż-żmien li ġej, inkluż kif se jkunu qed isiru spezzjonijiet annwali biex tkun assigurata l-konformità mal-proġett u preżentazzjoni ta’ rapport mandatorju li jikkonferma kif l-investiment qed isir f’konformità mal-obbligi meħtieġa.
L-iskema tinkludi:
• Kategorija 1: Proġetti ta’ bejn 40kW–200kW (l-ewwel sejħa: 220kW disponibbli)
• Kategorija 2: Proġetti ta’ bejn 200kW–1MW (l-ewwel sejħa: 2,226kW disponibbli)
• Kategorija 3: Proġetti ta’ 1MW jew aktar (sejħa waħda b’38MW disponibbli)
Proġetti taħt 1MW li jiġu allokati se jkollhom sentejn biex jitlestew; dawk ikbar se jkollhom tliet snin biex jitlestew – mingħajr telf finanzjarju matul dan il-perjodu.
Dati ewlenin:
• Dettalji sħaħ tal-iskema: Ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern u fuq is-sit ta’ REWS fis-16 ta’ Mejju 2025.
• Perjodi ta’ Sejħa għall-Offerti:
1. Sejħa 1 – Proġetti <1MW: 27 Ġunju
2. Sejħa 1 – Proġetti 1MW+: 25 Lulju
3. Sejħa 2 – Proġetti <1MW: 10 Ottubru
Il-Kap Eżekuttiv tar-REWS, Inġ. Marjohn Abela qal, “Permezz tas-Sejħa għall-Offerti li qed iniedu għal din is-sena, l-impenn tagħna jibqa’ ċar. Qed noffru aktar opportunitajiet għal proġetti ta’ enerġija nadifa, regoli ġodda li jappoġġjaw lill-bdiewa, u kuntratti aġġornati li jsegwu l-istandards tal-Unjoni Ewropea. Nemmen li b’dan l-impenn, qed ngħinu lil Malta timxi lejn futur aktar sostenibbli u b’enerġija aktar nadifa u rinnovabbli.”
Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tar-REWS taħt is-sezzjoni “Call for Bids (ITB)”.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN