STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Servizz ta’ childcare u carer b’xejn għal vittmi tal-kriminalità li jitilgħu jixhdu l-Qorti
L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi tal-Kriminalità (VSA) varat żewġ servizzi oħra t'appoġġ għal vittmi tal-kriminalità u tal-vjolenza domestika.
Wieħed mis-servizzi jaħseb biex vittma li trid titla' tixhed il-Qorti, tkun tista' tħalli lil uliedha taħt it-tliet snin f'wieħed minn erba' ċentri ta' childcare mifruxa f'diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex fosthom Santa Venera, l-Imrieħel u l-Għarb f'Għawdex.
Ommijiet li jirċievu servizz mill-Aġenzija ser jingħatalhom dan is-servizz wara notifika lill-aġenzija.
Bl-istess mod, min għadu dipendenti fuqu, bħal anzjani, persuni vulnerabbli jew b'diżabilità, jistgħu, bl-istess mod, japplikaw għand l-aġenzija sabiex, waqt in-nuqqas tagħhom minħabba li jridu jitilgħu jixhdu l-Qorti, jintbagħat carer ċertifikat fir-residenza tagħhom biex jieħu ħsieb id-dipendenti. Anke dan is-servizz se jingħata bla ħlas.
Iż-żewġ servizzi jkopru ftit ħin qabel u wara mal-persuna titla' tixhed il-Qorti.
F'kumment, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, qal li s-servizzi l-ġodda huma tanġibbli u mmirati lejn il-vittmi tal-kriminalità sabiex dawn tittaffielhom l-esperjenza negattiva li jkunu għaddew minnha. Qal li mindu nħolqot erba' snin ilu, il-Victim Support Agency diġà qdiet lil aktar minn 4,000 vittma. “B'dan il-mod qed nuru li tabilħaqq inkunu qrib il-vittmi fis-soċjetà biex dawn ma jkunux vittmi għat-tieni darba."
Il-Ministru Camilleri qal li s-servizzi ġodda, li tħabbru fl-aħħar Budget, daqstant ieħor jikkumplimentaw l-għodod li ngħataw għad-dispożizzjoni tal-vittmi. Kemm permezz tal-linja ta' sapport 116006; permezz ta' servizzi ta' pariri legali jew t'appoġġ emozzjonali ta' professjonisti kif ukoll billi l-aġenzija tassenjalhom persuna ħalli takkumpanjahom meta jitilgħu jixhdu l-Qorti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Brian Farrugia qal li s-servizzi ġodda tfasslu fuq il-bżonnijiet tal-vittmi sabiex jiġi assigurat li dawn jagħtu x-xhieda tagħhom b'mod aktar ċar u seren. Ix-xhieda tal-vittmi tal-kriminalità fil-qrati huma essenzjali biex isir ġustizzja xierqa u tgħin lill-vittmi jirkupraw għal kwalità ta' ħajja aħjar.
Għal dawk f'riskju ta' vjolenza domestika hemm ukoll il-liġi li biha persuni li jkunu f'relazzjoni intima jistgħu japplikaw mal-VSA biex jaraw jekk is-sieħeb tagħhom għandux storja ta' vjolenza domestika.
L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi tal-Kriminalità tipprovdi wkoll appoġġ u assistenza lill-vittmi permezz ta' informazzjoni u żviluppi dwar il-każijiet tagħhom il-Qorti; gwida dwar x'wieħed jistenna fil-Qorti u anke tipprovdi tagħrif dwar il-ħelsien mill-ħabs tat-trażgressur.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN