STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI
Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli jilqa’ l-fatt li l-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika lbieraħ approva b’mod unanimu r-riżoluzzjoni dwar trasferiment ta’ proprjetà li ressaq il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes.
Din ir-riżoluzzjoni kienet tittratta t-trasferiment ta’ artijiet mill-Awtorità tad-Djar lill-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli wara li ntlaħaq ftehim sabiex din l-art tingħadda permezz tal-mudell tal-emfitewsi (ċens) perpetwu a favur il-fondazzjoni. Dan sabiex dawn l-artijiet ikunu jistgħu jinbnew għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni affordabbli, b’tali mod li l-potenzjal sħiħ tagħhom ikun jista’ jitgawda mill-benefiċjarji tal-fondazzjoni li jeħtieġu l-għajnuna sabiex isiru proprjetarji ta’ akkomodazzjoni affordabbli.
Dan it-trasferiment jinvolvi art fil-Fgura, f’Ħal Kirkop, f’Marsaskala u f’San Ġiljan (Ta’ Ġiorni). Il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli twaqqfet lura fl-2022 meta ntlaħaq ftehim bejn il-Gvern ta’ Malta u l-Arċidjoċesi ta’ Malta sabiex jissieħbu flimkien fil-ħolqien tal-ewwel Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli f’Malta. L-għan tal-Gvern u l- Arċidjoċesi, bħala żewġ fundaturi, kien sabiex tkompli tiġi indirizzata d-domanda għall-akkomodazzjoni affordabbli.
Mill-bidu nett, din il-fondazzjoni daħlet f’taħditiet mal-Awtorità tad-Djar sabiex tassisti lill-awtorità tilħaq il-miri nazzjonali rigward il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli għal dik il-faxx medja ta’ persuni li għandhom aktar qligħ u assi minn dak li jippermettu l-parametri ta’ eliġibbiltà tal-akkomodazzjoni soċjali, iżda jeħtieġu s-sapport sabiex isiru sid ta’ residenza bi prezz inqas minn dak preżenti tas-suq residenzjali privat.
Dawn l-artijiet se jwasslu sabiex il-fondazzjoni tkun tista’ twassal għand il-poplu Malti u Għawdxi appartamenti affordabbli.
Dan kollu huwa wkoll in linja mal-Viżjoni Malta 2050 li tiffoka fost l-oħrajn fuq l-inklussività u l-inklużjoni ta’ kull persuna fis-soċjetà tagħna, inklużi ż-żgħażagħ, permezz ta’ akkomodazzjoni affordabbli.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN