STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jidħlu fl-aħħar fażi x-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fiż-żona tal-Bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala
Aktar kmieni llum fiż-żona tal-Bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, segwa x-xogħlijiet fuq l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni bl-għan li jiġi offrut ambjent aktar sigur u aċċessibbli għall-eluf ta’ familji li jżuru dan il-post.
Il-Ministru Bonett enfasizza l-importanza ta’ dan il-proġett bħala eżempju ċar ta’ kif l-iżvilupp jista’ jsir b’rispett lejn l-identità naturali u storika tal-madwar. “Dan huwa eżempju ta’ kif proġett pubbliku jista’ jissodisfa diversi għanijiet b’mod integrat: il-protezzjoni tal-ambjent naturali, l-iżvilupp ta’ infrastruttura moderna u sigura, u r-rispett lejn l-identità tradizzjonali u rurali tal-lokalitajiet tagħna.”
Il-Ministru spjega li dan huwa l-mod kif għandna nibnu Malta tal-lum u tal-ġejjieni. “Qed inwettqu proġetti li mhux biss jirrispondu għal bżonnijiet prattiċi bħall-aċċess u s-sigurtà, imma li jagħtu wkoll lura ambjent imtejjeb u aktar organizzat lill-komunità u lil dawk li jżuru dawn iż-żoni. Fuq kollox, smajna l-karba tal-Iskalin biex din iż-żona nagħtuha l-attenzjoni mistħoqqa,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, spjega kif dan il-proġett kien maqsum fi tliet fażijiet li flimkien indirizzaw l-isfidi taż-żona b’mod ħolistiku. Huwa spjega kif il-proġett mhux biss indirizza sfidi strutturali u r-riġenerazzjoni ta’ spazji pubbliċi degradati iżda daħħal ukoll prattiċi ta’ disinn li jirrispettaw is-sensittività ekoloġika u rurali tal-inħawi.
Wieħed mill-elementi ewlenin tal-proġett kien ir-rikostruzzjoni ta’ ħajt ta’ sostenn ta’ madwar 100 metru li kien f’qagħda mwiegħra u f’riskju li jċedi. Dan l-intervent isegwi xogħlijiet oħra li saru fl-istess inħawi, bħall-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ ġodda li mhux biss jagħtu lura karattru tradizzjonali lir-raħal u lill-kosta, imma wkoll jgħinu biex jiġu kkontrollati l-ilmijiet tax-xita u titjieb l-estetika ġenerali taż-żona. L-aħħar fażi tal-proġett qed tiffoka fuq il-bini mill-ġdid tat-triq kif ukoll ir-riġenerazzjoni tal-ispazji miftuħa li jintużaw bħala żoni ta’ parkeġġ u għall-aċċess tax-xatt. L-għan huwa li din iż-żona tintuża b’mod aktar organizzata u li l-aċċess jiġi rranġat sabiex ikun sigur u navigabbli għal kulħadd.
Ix-xogħlijiet mistennija jitlestew fi ftit ġimgħat oħra sabiex il-Bajja ta’ San Tumas tkun tista’ titgawda b’mod komplut mill-viżitaturi f’ambjent aktar sigur, organizzat u sostenibbli għall-istaġun tas-sajf.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN