STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Aktar flessibbiltà fil-kura ta’ respite għall-anzjani u l-familji tagħhom
Il-kura ta' respite residenzjali hija servizz importanti li joffri akkomodazzjoni u appoġġ għal żmien qasir lil persuni anzjani li għandhom bżonn ta' sorveljanza kontinwa jew kura regolari. Dan it-tip ta' servizz jippermetti lil dawk li jieħdu ħsieb lill-anzjani biex jieħdu pawża mingħajr ma jinkwetaw dwar is-sigurtà u l-kura tal-maħbubin tagħhom. Fl-2024, 242 persuna użaw dan is-servizz, żieda ta' aktar minn 40% fuq il-medja tal-aħħar ħames snin.
Issa, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) qed twessa' dan is-servizz biex tinkludi l-possibbiltà li l-klijenti approvati jagħżlu huma stess id-dar ta' kura liċenzjata mill-Awtorità għall-Istandards fil-Kura Soċjali (OPSA), skont il-preferenza tagħhom. Dan jista' jkun ibbażat fuq il-lokalità, is-servizz offrut jew raġunijiet personali oħra. Il-klijenti se jkunu jistgħu jirranġaw direttament mal-faċilità magħżula u jingħataw rifużjoni sa massimu ta' €72 kull lejl, sakemm ikunu approvati u ma jaqbżux 63 lejl fis-sena.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal li kull ma jmur l-AACC qed tkompli tibni u ttejjeb is-servizzi marbuta u mdawra mal-anzjan u l-għeżież tiegħu. Permezz tas-servizz estiż ta' respite, issa l-anzjan u l-familjari ser ikunu jistgħu jagħżlu fejn jixtieq jmur għal kura u l-Gvern ser ikun qed jirrifondi dawn l-ispejjeż.
“Għal darba oħra qed naraw il-viżjoni tal-Gvern tiġi implimentata biex minnha jgawdu l-anzjani Maltin u Għawdxin. Kommessi li nibqgħu naħdmu u ntejbu s-servizzi offruta fil-komunità biex noffru servizz li minnu jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna," temm jgħid il-ministru.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea qal: “Din mhix biss inizjattiva dwar servizz, imma pass ieħor lejn iktar għażla u awtonomija għall-anzjani u l-familji tagħhom. Dan it-tibdil se jagħti iktar libertà, serħan il-moħħ u kontroll lil dawk li jieħdu ħsieb lill-anzjani tagħhom."
Il-Kap Eżekuttiv tal-AACC, Dr Renzo De Gabriele, irrimarka li dan huwa pass importanti biex jintlaħqu l-bżonnijiet individwali tal-klijenti. “Billi niftħu l-bieb għal għażliet iktar personalizzati u nkomplu ninvestu fis-servizzi, qed niżguraw li l-kura għall-anzjani tibqa' rilevanti, flessibbli u effettiva," qal Dr De Gabriele.
Din l-inizjattiva ġiet imfassla wara diversi suġġerimenti minn qraba ta' anzjani u bħala rispons għal żieda sostanzjali fid-domanda għal kura ta' respite li tkun iktar flessibbli u personalizzata, skont il-bżonnijiet u l-preferenzi individwali ta' kull familja.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN