STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija sitt skemi ta’ boroż ta’ studju b’investiment ta’ €8 miljun
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima nieda sitt skemi ta' boroż ta' studju b'valur totali ta' €8 miljun. Dawn huma: L-Iskema ta' Borża ta' Studju Endeavour II; L-Iskema ta' Borża ta' Studju TESS; L-Iskema ta' Borża ta' Studju tal-Arti; L-Iskema ta' Borża ta' Studju dwar l-Isport; Reach High II; u, Live the Language.
Il-Ministru Clifton Grima enfasizza li dawn il-boroż ta' studju huma investiment dirett fl-istudenti, li permezz tagħhom qed jingħataw sostenn finanzjarju, biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tal-futur tagħhom. “Bit-tnedija ta' din is-sena f'dawn l-skemi ta' boroż ta' studju sa issa investejna iktar minn €36 miljun. Din is-sena qed ninvestu €8 miljun, €5 miljun fondi Ewropej u €3 minn fondi nazzjonali. Aħna nemmnu li l-investiment qawwi fis-settur edukattiv u fl-istudenti jiggarantixxi suċċess għalihom, għas-soċjetà u għal pajjiżna," stqarr il-ministru. Huwa enfasizza li dawn l-iskemi huma xhieda tal-investiment li qiegħed isir fis-settur edukattiv.
L-iskemi ta' boroż ta' studju huma:
- Malta Arts Scholarships Scheme: Il-Malta Arts Scholarships Scheme għandha l-għan li tipprovdi aktar opportunitajiet u appoġġ lill-individwi li għandhom talenti eċċezzjonali fil-ħolqien u/jew il-promozzjoni ta' professjonisti fl-Arti Espressiva, it-Teatru, il-Mużika, iż-Żfin, id-Disinn, il-Kitba Kreattiva, il-Film, l-Arti Viżiva jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom. Din l-iskema hija disponibbli wkoll għal applikanti minn 11-il sena 'l fuq, Livell 5 QMK sal-Livell 8 QMK.
- Malta Sports Scholarships Scheme: Din l-iskema għandha l-għan li tpoġġi l-isports fuq livell professjonali u se tippromwovi l-iżvilupp ta' atleti bi prestazzjoni għolja li eventwalment jirrappreżentaw lil Malta f'kompetizzjonijiet internazzjonali. Hija intenzjonata għal applikanti f'żewġ kategoriji: dik tal-Ispeċjalizzazzjoni fl-Isport u dik Akkademika. Iż-żieda fl-istatus tal-isport f'Malta mhux biss twassal għal rikonoxximent internazzjonali usa' b'benefiċċji ekonomiċi pożittivi għall-industrija tat-turiżmu imma tinkoraġġixxi wkoll il-prattika regolari tal-isport u l-attività fiżika madwar il-pajjiż li tirriżulta f'titjib ġenerali fis-saħħa u l-benesseri tal-popolazzjoni kollha.
- TESS: TESS (Tertiary Education Scholarships Scheme) hija skema miftuħa għal studenti li jsegwu korsijiet terzjarji fil-livelli 7 u 8 u tfittex li tagħti kontribut lejn is-suq tax-xogħol Malti. L-iskema għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet ta' finanzjament għall-istudenti biex ikunu jistgħu jsegwu programmi ta' studju t'edukazzjoni għolja u tinkoraġġixxi lill-istudenti jżidu l-livelli ta' riċerka akkademika.
- Endeavour II: Studji Akkademiċi għal Masters U Ph.D. Skema li tappoġġja edukazzjoni terzjarja (fil-Livell 7 u 8 tal-QMK), ta' kwalità u tassigura li s-suq tax-xogħol Malti jkollu fih l-aħjar individwi u tiggarantixxi li jkun f'pożizzjoni aħjar li jikkompeti fuq livell internazzjonali. L-iskema għandha l-għan li tappoġġja lil dawk li qed isegwu din it-triq biex jirnexxu kemm fil-kisba tal-edukazzjoni kif ukoll biex jikkontribwixxu b'mod effettiv lejn l-ekonomija. L-edukazzjoni terzjarji tifforma parti dejjem aktar importanti mill-aġenda ekonomika u soċjali ta' kull pajjiż u twassal għall-iżvilupp professjonali kontinwu ta' ħafna nies. Din l-iskema hija kofinanzjata mill-programm tal-ESF+.
- Reach High II: Skema biex tippromwovi programmi ta' riċerka f'livell ta' Post Dottorat, jiġifieri dawk li diġà għandhom kwalifika ta' Dottorat u se jkomplu jagħmlu riċerki 'il fuq minn dan il-livell. Din it-tieni sejħa hija kofinanzjata mill-fond Soċjali Ewropew (ESF+). L-edukazzjoni ta' riċerka post-dottorat titqies bħala waħda ta' importanza għaliex tipprovdi l-mezzi li permezz tagħhom l-attività ta' riċerka tista' tiġi stimulata fi ħdan l-Universitajiet u l-Industriji. L-għotja tkopri fost oħrajn, l-istipendju, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż diretti tar-riċerka.
- Live the Language: Skema li tipprovdi liż-żgħażagħ bejn l-11 u 21 sena bil-possibbiltà li jsegwu taħriġ fil-lingwi. Il-Gvern ta' Malta jirrikonoxxi l-benefiċċji numerużi miksuba miż-żgħażagħ li huma esposti għat-tagħlim ta' lingwa barranija fil-pajjiż u għalhekk b'din l-iskema qed jimpenja ruħu li jipprovdi għajnuna finanzjarja liż-żgħażagħ li jsiefru biex jitgħallmu il-lingwa fil-pajjiż rispettiv tal-lingwa magħżula.
Aktar dettalji kif ukoll l-applikazzjonijiet għall-iskemi kollha, jinstabu fuq: https://myscholarship.gov.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN