STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Kjarifika dwar il-kumpens tat-Thalidomide
B'referenza għal dikjarazzjonijiet rappurtati f'artiklu intitolat 'Two years on, €2 million yet to be paid in thalidomide compensation' li deher fil-ġurnal Times of Malta fil-ħarġa tiegħu tal-lum it-Tnejn, 5 ta' Mejju 2025, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat jixtieq jiċċara l-fatti kif ġej.
Ir-rapport jittratta kumpens finanzjarju ex-gratia li l-gvern preżenti qed jagħti lill-persuni vittmi tal-mediċina Thalidomide li għadhom ħajjin. Dan il-każ imur lura għall-bidu tas-snin sittin.
Dak iż-żmien il-pillola Thalidomide kienet normalment preskritta lil nisa tqal li kienu jbatu mill-morning sickness. Din il-pillola kienet il-kaġun ta' numru ta' korrimenti waqt it-tqala u tfal li twieldu b'deformitajiet.
Minkejja li fl-1961 din il-pillola kienet projbita fuq livell internazzjonali, il-Gvern Malti ta' dak iż-żmien kien ħalliha disponibbli sas-sena 1968 wara interventi fil-Parlament mill-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien. Il-gvern tal-lum qed jikkumpensa lil dawk il-persuni vittmi ta' din il-pillola u li għadhom ħajjin.
Għal dan l-għan, ġiet stabbilita formula għall-kumpens ibbażata fuq il-persentaġġ ta' diżabilità tal-persuna u fuq l-età tagħha. Twaqqaf bord indipendenti minn esperti mediċi biex beda l-proċess ta' valutazzjoni ta' kull każ li tressaq quddiem il-gvern. Għalhekk skatta eżerċizzju ta' screening (pre-assessments) fejn inizjalment l-applikanti ntalbu jagħtu l-kunsens tagħhom sabiex il-bord tal-esperti mediċi seta' jaċċessa r-rekords mediċi tal-applikanti fl-Isptar Mater Dei għall-iskop li l-istess ministeru jkun jista' jagħmel il-verifiċi neċessarji fuq kundizzjonijiet ikkawżati mill-mediċina Thalidomide.
Wara li tlesta l-eżerċizzju ta' screening, l-applikanti ġew infurmati jekk jikkwalifikawx jew le għall-pass li jmiss. Dawk li kwalifikaw għall-pass li jmiss sarilhom assessment fiżiku li minnu ġie determinat il-persentaġġ ta' diżabilità.
B'riżultat ta' dan il-proċess ta' verifika u permezz tal-formula, ġie stabbilit li l-inqas ammont li kien se jingħata kien ta' €22,537 filwaqt li l-ogħla ammont huwa ta' €68,815.
Iċ-ċifra ta' €3 miljuni li ġiet dikjarata minn persuna kienet estimu ta' kemm seta' jkun l-ammont totali li jitħallas wara li jkun stabbilit kemm kien in-numru ta' vittmi ta' din il-pillola u l-persentaġġ ta' diżabilità tal-vittmi.
Wara li sar proċess rigoruż ta' kull min applika għal dan il-kumpens irriżulta li l-kumpens totali dovut kien ta' €1,086,008.62. Oriġinarjament, kien ippjanat li l-kumpens jitħallas fuq medda ta' seba' snin. Madankollu, wara li nkiseb permess mill-Ministeru għall-Finanzi, ġie deċiż li l-kumpens jitqassam fi żmien iqsar – jiġifieri fi tliet snin – sabiex dawk affettwati ma jitħallewx jistennew għal perjodu daqshekk twil u l-ħlas jasal għand il-vittmi b'mod aktar spedit.
L-ewwel pagament tħallas f'Mejju tas-sena li għaddiet, bit-tieni u t-tielet pagament jitħallsu din is-sena u s-sena li ġejja rispettivament.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN