STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL : 20 uffiċjal ġdid fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi – 25% minnhom nisa
Għoxrin rekluta saru uffiċjali korrettivi ġodda wara li temmew b’suċċess ir-reklutaġġ tagħhom u ħadu l-ġurament tal-ħatra. Kwart mill-uffiċjali l-ġodda huma nisa.
Il-ħatra tal-uffiċjali saret fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, u tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, is-Sur Christopher Siegersma.
L-uffiċjali korrettivi għaddew b’suċċess minn kors intensiv ta’ sittax-il ġimgħa li inkluda fost l-oħrajn taħriġ akkademiku, taħriġ fiżiku u tal-ewwel għajnuna, taħriġ dwar sigurtà, tifi tan-nar u anke dwar is-saħħa mentali u riabilitazzjoni. Fil-ġimgħat li ġejjin se jinbeda reklutaġġ ieħor bil-għan li tkompli tissaħħaħ ir-riżorsa umana fis-sistemi korrettivi.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri talab lill-uffiċjali korrettivi sabiex jibnu fuq il-ħafna tajjeb li sar fl-aħħar snin mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Talabhom sabiex mhux biss iżommu ħabs ordnat b’tentattiv ġenwin ta’ riabilitazzjoni iżda jkomplu jtejbuh. Qal li, “Matul l-aħħar snin inkisbu riżultati tajbin li wasslu biex il-ħabs ma għadux jingħaraf minn kif kien. Għalhekk bħala uffiċjali ibqgħu aħdmu biex dawk li qed jiskontaw sentenza l-ħabs jirritornaw lura fis-soċjetà bħala persuni aħjar”.
Il-Ministru Camilleri fakkar li l-gvern mhux biss ta lill-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi d-dritt li jissieħbu f’union u jinnegozjaw ftehim kollettiv. Dan kollu ssarraf biex fit-tieni ftehim kollettiv li ġie ffirmat ftit ġimgħat ilu, l-uffiċjali korrettivi raw żieda fis-salarju ta’ madwar 5,000 ewro fis-sena.
Il-Ministru Camilleri fakkar li qabel, uffiċjal korrettiv kien obbligat jaħdem 46 siegħa fil-ġimgħa u qas biss kien jingħata kumpens għas-sitt sigħat żejda li kien jaħdem. Issa, bit-tieni ftehim kollettiv, il-kumpens għal kull siegħa xogħol żejda huwa ta’ siegħa, siegħa u nofs.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, Christopher Siegersma, saħaq li xogħol l-uffiċjali mhux biss impjieg iżda vokazzjoni. Huma jridu jassiguraw li s-sentenza li tingħata mill-qorti titwettaq b’dinjità, rispett u ordni. Fl-istess waqt huma jridu jkunu involuti fil-proċess ta’ riforma u riabilitazzjoni. “Dan hu xogħol ta’ umanità, sensittività u ta’ bilanċ bejn awtorità u rispett”, qal is-Sur Siegersma li fakkar li l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tibqa’ toffri lill-uffiċjali opportunitajiet biex isaħħu l-ħiliet tagħhom b’taħriġ ta’ żvilupp li jsir kull sena.
Intant l-aħjar rekluta tal-kors kien Scott Sultana li kiseb l-ogħla marki fis-suġġetti mgħallma.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN