STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Minn art mitluqa għal ġnien mimli ħajja: spazju miftuħ ieħor minn Project Green
F'Santa Luċija, sit li qabel kien mitluq u mhux aċċessibbli għall-pubbliku ngħata l-ħajja minn Project Green u se jitgawda minn madwar 5,000 resident li jgħixu fil-viċin tiegħu. Dan is-sit, li jkopri medda ta' madwar 2,300 metru kwadru, ġie mibdul fi spazju miftuħ mill-isbaħ, imsejjaħ Ġnien l-Iskultura.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli qalet kif dan il-proġett hu xhieda tal-ħidma li qed tissarraf fi spazji ħodor ta' kwalità fil-komunitajiet tagħna.
“Naf kemm din iż-żona hija għal qalb ir-residenti ta' Santa Luċija u nħares 'il quddiem li jitgawda dan il-ġnien. Se nkomplu bil-ħidma biex noħolqu aktar spazji miftuħa għal residenti f'kull lokalità. Project Green bħalissa għaddejja b'ħidma minn wara l-kwinti biex fil-ġimgħat u xhur li ġejjin tagħti bidu għal bosta proġetti. Lil hinn mix-xogħol li tagħmel Project Green, dan il-ġnien jingħaqad mal-bqija ta' spazji miftuħa li ftaħna mill-bidu tal-leġislatura – issa 59, inkluż 39 ġnien u park, u 20 wied. Ġnien l-Iskultur huwa t-tieni ġnien li għamilna f'Santa Luċija hekk kif Ambjent Malta ħolqot Ġnien Sembjożi s-sena li għaddiet," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
B'investiment ta' aktar minn miljun ewro, saru bosta interventi hekk kif ġew installati strutturi msejsa fuq prinċipji Orjentali sabiex din iż-żona ġdida, tikkumplimenta dik ġa eżistenti biswit. Fost l-elementi distinti f'dan il-ġnien wieħed isib pont tal-ħadid u li jaqsam vaska tal-ħut bil-Koi, li huma speċi ta' ħut assoċjati mar-reġjun Ażjatiku. Dan il-pont, kif ukoll fil-bqija tal-ġnien, intuża l-kulur aħmar li huwa meqjus bħala kulur li jelimina l-enerġija negattiva u jattira l-ferħ u l-prosperità. Bħala parti mill-proġett tħawlu 38 siġra.
Beverley Costa, COO ta' Project Green qalet, “Bħal kull proġett li naħdmu fuqu assigurajna li Ġnien l-Iskultura jkun aċċessibbli għal kulħadd imma aktar min hekk, ikun kontinwazzjoni tal-ġnien ieħor li jinsab biswit. Għalhekk f'dan il-proġett rajna li nżommu l-elementi orjentali li jikkumplimentaw dan il-ġnien." Project Green se tkun qed tieħu ħsieb iż-żamma u l-manutenzjoni ta' dan il-ġnien.
Is-Sindku ta' Santa Luċija Charmaine St John qalet, “Ir-residenti ħerqana ħafna għal dan il-Ġnien hekk kif qed inżidu l-ispazji miftuħa fejn wieħed jista' jgawdi elementi naturali bħall-ilma u s-siġar. Inħeġġeġ lir-residenti u l-Maltin u Għawdxin kollha biex jiġu jgawdu dan il-ġnien għal kwiet."
Ġnien l-Iskultura jinsab biswit Ġnien is-Serenità, jew kif inhu magħruf aħjar, il-Ġnien taċ-Ċiniżi, f'Santa Luċija.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN