STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-Ministru Attard jimmarka Jum il-Ħaddiem bi żjara lill-ħaddiema f’sit ta’ kostruzzjoni
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, flimkien ma’ uffiċjali mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol (OHSA) u l-Awtorità tal-bini u l-kostruzzjoni (BCA), immarkaw Jum il-Ħaddiem bi żjara f’sit ta’ kostruzzjoni fiż-żona industrijali tal-Marsa.
“Jum il-Ħaddiem din is-sena qiegħed ikun iċċelebrat fl-isfond ta’ sena li fiha saru riformi sostanzjali fis-settur tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol, b’liġi ġdida għas-settur u regolamenti ġodda f’numru ta’ oqsma, inkluż dak tal-kostruzzjoni,” saħaq il-Ministru Attard.
Huwa fisser kif is-sit ta’ kostruzzjoni li kien qiegħed iżur flimkien mal-uffiċjali tal-OHSA u l-BCA, kien eżempju ħaj tal-proċess trasformattiv li għaddej minnu s-settur. Ir-riformi ewlenin jinkludu wkoll regolamenti ġodda dwar siti stand-alone, assigurazzjoni obbligatorja, il-liċenzjar tal-bennejja u l-kuntratturi u anke servizzi ġodda għall-ħaddiema u ċ-ċittadini affettwati, bis-servizz tal-helpline 138 u s-servizz addizzjonali ta’ avukati u periti bla ħlas għal dawk affettwati mill-kostruzzjoni.
“Din kienet ukoll sena li fiha rajna lil dawn iż-żewġ awtoritajiet regolatorji jsaħħu d-djalogu tagħhom mhux biss mal-pubbliku inġenerali, imma wkoll mal-ħaddiema u l-istakeholders fis-settur, inkluż bi ftehim dwar il-kodiċi nazzjonali tal-Bini u l-kostruzzjoni,” tenna l-Ministru Attard.
L-uffiċjal responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà fuq is-sit tkellem dwar kif il-liġi l-ġdida marbuta mas-saħħa u s-sigurtà u b’mod partikolari r-regoli marbuta mas-siti ta’ kostruzzjoni u r-reġistru ta’ persuni kompetenti, introduċew dmirijiet ġodda billi tat lill-project supervisor iżjed poteri biex jieħu l-azzjonijiet neċessarji fl-interess tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.
“Il-ħaddiem jibqa’ fiċ-ċentru ta’ dawn ir-riformi, b’riformi li jibagħtu messaġġ qawwi li s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħna mhumiex negozjabbli. Din il-ħidma trid tkompli biex nassiguraw li kull ħaddiem f’pajjiżna jkun jista’ jmur għax-xogħol jaf li s-saħħa u s-sigurtà tiegħu huma mħarsa,” saħaq il-Ministru Attard.
Min-naħa tiegħu l-project supervisor responsabbli mis-siti tkellem li dan huwa proġett ta’ 10,000 metru kwadru li jammontaw fi tliet fabbriki ta’ 2,000 metru ta’ footprint bi triq li tgħaqqadhom mal-kumplament taż-żona industrijali. Huwa żied jelabora dwar id-diversi metodi li ntużaw fosthom bil-franka, briks u materjal ieħor precast li twassal fuq il-post.
Il-Gvern huwa impenjat li jkompli b’din il-ħidma lejn kultura t’aktar responsabbiltà u standards ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN