STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Proġett infrastrutturali li se jimmodernizza kompletament l-Iskola Primarja ta’ Birkirkara
Wara li f’Jannar li għadda tnieda l-EDU Infrastructure Programme, b’€91 miljun investiment fl-infrastruttura edukattiva fuq perjodu ta’ 13-il sena, illum il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella, żaru l-Iskola Primarja ta’ Birkirkara, li hija parti minn dan il-proġett.
Matul iż-żjara l-Ministru Clifton Grima ltaqa’ mal-Kunsill tal-Istudenti biex jispjegalhom x’se jsir fil-proġett tal-iskola tagħhom u wkoll jieħu l-opinjoni tagħhom dwar dan. L-istakeholders, l-edukaturi kif ukoll il-ġenituri u l-istudenti qed ikunu infurmati kemm bil-proġett li se jsir kif ukoll b’dettalji kollha u l-arranġamenti meħtieġa li se jidħlu b’effett waqt il-proġett.
Il-Ministru Grima tenna, “Dan huwa proġett ambizzjuż li permezz tiegħu se ninvestu dirett fl-edukaturi u l-istudenti, għaliex se nwettqu programm estensiv ta’ xogħol fl-ambjent edukattiv. Permezz tiegħu mhux biss se naraw li l-iskejjel tagħna jkollhom ambjent xieraq, kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra, imma se nkunu wkoll qed inħarsu l-benesseri tal-persuna.”
Permezz ta’ dan il-proġett il-gvern huwa kommess li jimmodernizza u jagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq aktar minn 100 skola fuq perjodu ta’ 13-il sena. Kull sena din l-inizjattiva se tiffinanzja 8 proġetti, li kemm jista’ jkun se jippromwovu wkoll is-sostenibbiltà, billi jintegraw sistemi effiċjenti fl-użu tal-enerġija u materjali ambjentalment sostenibbli.
L-iskola ta’ Birkirkara ilha mibnija mill-1930 u matul iż-żmien fl-iskola kien hemm diversi interventi ta’ rinovazzjoni u modernizzar. B’dan il-proġett l-iskola se tkun modernizzata kompletament biex jinħoloq ambjent edukattiv addattat għal madwar 900 student u 160 edukatur li jattendu u jaħdmu f’dan il-bini edukattiv.
Il-proġett se joħloq ambjent modern, inklussiv u wkoll b’ambjent sostenibbli, fost oħrajn b’installazzjoni ta’ servizzi moderni, sistemi ta’ sigurtà, u wkoll se tkun installata sistema ta’ arja kundizzjonata. Se jkunu installati wkoll pannelli fotovoltajċi u twieqi double-glazed. L-ambjent tal-iskola se jkun addattat għall-bżonnijiet ta’ persuni b’abbiltajiet differenti, fosthom studenti fuq il-firxa wiesgħa tal-awtiżmu. Matul ix-xogħol, l-istudenti u l-edukaturi se jkunu rilokati fi skejjel oħrajn biex titħares is-saħħa u s-sigurtà tagħhom.
Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella qal, “Dan il-programm huwa pilastru ewlieni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, programm li jiffoka fuq it-trasformazzjoni tal-iskejjel biex jevolvu skont it-tkabbir tal-komunità u l-bżonnijiet edukattivi tal-istudenti, permezz ta’ konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati, filwaqt li jħares il-wirt kulturali u jsaħħaħ ir-rwol tal-edukazzjoni fl-iżvilupp nazzjonali.”
Permezz tal-EDU Infrastructure Programme, se ssir modernizzazzjoni ta’ faċilitajiet sportivi fl-iskejjel kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra, inkluż f’din l-iskola, biex ikun inkoraġġit l-użu ta’ dawn l-ispazji għal varjetà ta’ attivitajiet ta’ tagħlim. B’hekk ukoll il-Ministeru qed ipoġġi l-benesseri tal-istudenti u l-edukaturi fiċ-ċentru.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN