STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA 3.6 kilometri ta’ cables ġodda f’San Ġwann
Ikomplu x-xogħlijiet biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni
Permezz tal-kollaborazzjoni bejn Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta qegħdin isiru xogħlijiet biex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura tad-dawl fil-lokalitajiet ta' San Ġwann u San Ġiljan.
Dan ġie spjegat waqt żjara mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta l-Inġ Ryan Fava flimkien ma' rappreżentanti tal-Kunsill ta' San Ġwann.
Dan l-investiment ta' miljun ewro ser joħloq links ġodda bejn iċ-ċentru ta' distribuzzjoni tal-Kappara u diversi substations f'San Ġwann u San Ġiljan.
Permezz ta' dawn ix-xogħlijiet ser tkompli tikber il-konnettività u l-flessibbiltà fin-network tad-distribuzzjoni kif ukoll ikun iktar faċli għat-timijiet tekniċi biex jagħtu lir-residenti u n-negozji d-dawl f'qasir żmien f'każ li tinqala' xi ħsara.
Fil-frattemp se jkun qiegħed isir xogħol f'substations fil-lokalità biex tkun immodernizzata u msaħħa l-kapaċità tagħhom kemm għall-preżent kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.
“B'investimenti bħal dawn qed niżguraw sistema ta' distribuzzjoni li hija aktar robusta, moderna u flessibbli; sistema li tista' tlaħħaq mhux biss mad-domanda tal-lum, imma anke ma' dik tal-futur. Dan huwa pass ieħor biex nagħtu servizz affidabbli u sostenibbli lir-residenti u n-negozji tagħna, filwaqt li nkomplu nagħtu prijorità lill-kwalità tal-ħajja tan-nies", qalet il-Ministru Miriam Dalli.
L-Inġ. Fava qal, “Għaddejjin xogħlijiet f'diversi lokalitajiet biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni fosthom f'dan il-lokal ta' San Ġwann li ser inkunu qegħdin noħolqu links ġodda bejn iċ-ċentru ta' distribuzzjoni fl-imsieraħ u diversi substations f'San Ġwann u San Ġiljan. Filwaqt li nirringrazzja lir-residenti u l-kunsill lokali tal-koperazzjoni li qegħdin insibu biex jitwettqu dawn ix-xogħlijiet, nirringrazzja wkoll lill-ħaddiema kemm tal-Enemalta kif ukoll Infrastructure Malta u Transport Malta li għaddejjin b'ritmu tajjeb ħafna biex dawn ix-xogħlijiet ikunu lesti mill-iktar fis possibbli".
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN