STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-INDAFA PUBBLIKA ‘Naħdmu Llum u Naħsbu għal Għada’: €17-il miljun investiment f’makkinarju intiż li jżid l-effiċjenza fit-tindif pubbliku
Aktar minn 160 inġenji użati kuljum
F'konferenza li għaliha kien hemm preżenti rappreżentanti minn kull kunsill lokali f'Malta, ġie mniedi aktar makkinarju li jaħdem bl-elettriku biex issa jiżdied ma' dawk li diġà bdew jintużaw. Permezz ta' dan il-makkinarju, qed jiġi żgurat proċess ta' indafa pubblika iktar effiċjenti u ta' anqas strapazz fuq il-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.
It-tnedija saret mis-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield, fil-preżenza tad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni Ramon Deguara.
Fl-aħħar sentejn, ġew investiti kważi €17-il miljun biex b'hekk ġew mixtrija aktar minn 160 biċċa makkinarju ġdid. Aktar minn 90% minnhom jaħdmu bl-elettriku, f'pass ċar lejn prattiki aktar sostenibbli u favur l-ambjent. Fost it-teknoloġiji ġodda, ġew introdotti wkoll robots marittimi li se jgħinu fit-tindif tal-ibħra tagħna, intiżi biex itejbu l-kwalità tal-ambjent marittimu f'pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield, spjega l-importanza ta' sforz kollettiv biex pajjiżna nieħdu ħsiebu għaliex l-indafa ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u ġġib il-progress. “Aħna qed naħdmu llum u fl-istess waqt naħsbu għal għada. B'investiment rekord fit-teknoloġija u s-sostenibbiltà, qed nibnu Malta aktar nadifa u moderna. L-impenn tagħna jibqa' wieħed ċar: inkomplu nieħdu ħsieb lil pajjiżna b'mod responsabbli u ma ninsew qatt lill-ħaddiema li huma fil-qalba tas-servizz pubbliku tagħna. Pajjiżna Nieħdu Ħsiebu, illum u għal għada."
Saret ukoll diskussjoni dwar kif it-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali qed jgħinu biex l-isforzi tal-ħaddiema jsiru aktar faċli u effettivi. Fost dawk li pparteċipaw fil-panel kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, is-Sindku tal-Imtarfa, Dale Hayman, u Patrick Camilleri, lettur tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta' Malta. Id-diskussjoni enfasizzat kif l-użu ta' teknoloġiji innovattivi mhux biss itejjeb il-kwalità tax-xogħol, iżda wkoll isaħħaħ il-ġid tas-soċjetà kollha kemm hi, f'konformità mal-viżjoni ta' Malta għal futur aktar sostenibbli u teknoloġiku.
Mill-panel ħareġ biċ-ċar li l-użu intelliġenti tat-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali għandu jkun iffukat biex jissupplimenta u mhux jissostitwixxi l-ħaddiema. Il-parteċipanti qablu li, permezz ta' taħriġ kontinwu u investiment fit-tagħmir it-tajjeb, nistgħu noħolqu ambjent ta' xogħol aktar sigur, u aktar effiċjenti. L-għan komuni huwa li nkomplu nagħtu valur lill-ħaddiema, waqt li nħaddmu teknoloġija li tgħinna nieħdu ħsieb lil pajjiżna b'mod aktar effettiv u sostenibbli.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali Ramon Deguara spjega kif “l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda hija investiment dirett fil-futur tas-servizzi pubbliċi tagħna. It-teknoloġija se tkun dejjem għodda f'idejn il-ħaddiema tagħna biex ikomplu jagħtu servizz aħjar u aktar sostenibbli lill-komunità. L-impenn tagħna jibqa' wieħed: nibqgħu ntejbu, nieħdu ħsieb u nwasslu l-aqwa għal pajjiżna."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN