STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR U MILL-MINISTERU GĦALL-ARTIJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Art għal spazju miftuħ u parkeġġ taħt l-art fil-Belt Victoria
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi ppresedew l-iffirmar uffiċjali li permezz tiegħu l-art fi Pjazza l-Assedju, fil-qalba tal-Belt Victoria, Għawdex, għaddiet mill-Awtorità tal-Artijiet għall-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Dan l-iffirmar se jippermetti t-twettiq ta' proġett li jinkludi spazju aħdar miftuħ kif ukoll parkeġġ taħt l-art, sabiex jittejbu s-servizzi u l-infrastruttura fil-qalba tal-belt.
Il-proġett jinkludi żieda ta' madwar 2,100 metru kwadru ta' spazju miftuħ imsaġġar kif ukoll parkeġġ ġdid fuq diversi livelli li jipprovdi mill-inqas 230 spazju ta' parkeġġ addizzjonali.
Waqt l-iffirmar, il-Ministru Clint Camilleri qal: “Dan il-proġett se jsaħħaħ sew il-qalba tal-Belt Victoria billi noħolqu spazju miftuħ sabiħ għall-familji u nindirizzaw ukoll il-ħtieġa ta' parkeġġ addizzjonali. Dan kollu qed isir b'viżjoni ċara li tħares lejn l-iżvilupp sostenibbli ta' Għawdex u li tmur id f'id kemm mal-istrateġija tal-iżvilupp reġjonali ta' Għawdex: Gżira ta' Villaġġi kif ukoll mal-Viżjoni ta' Malta 2050 – viżjoni nazzjonali li tfittex li toħloq komunitajiet aħjar, aktar sostenibbli u b'kwalità ta' ħajja ogħla għall-ġenerazzjonijiet futuri."
Il-Ministru Clint Camilleri sostna li dan il-proġett jikkonferma l-impenn tal-gvern biex ikompli jinvesti fil-qalba ta' Għawdex, b'inizjattivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u jagħtu spinta lill-iżvilupp sostenibbli tal-gżira.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li, “B'dan il-ftehim, l-Awtorità tal-Artijiet qed tkompli tassisti biex issir bidla fil-modalità tat-trasport fil-qalba tal-komunitajiet tagħna għal aktar konvenjenza għall-Għawdxin u dawk kollha li jżuru din il-lokalità." Il-ministru kompla jgħid li dan il-proġett juri wkoll l-impenn tal-Awtorità sabiex aktar spazji fil-qalba tal-lokalitajiet li huma propjetà tal-gvern jiġu riġenerati fi spazji miftuħa għall-benefiċċju tal-komunità.
F'għeluq l-2024, l-Awtorità għall-Żvilupp Reġjonali ta' Għawdex (GRDA) kienet ħarġet Preliminary Market Consultation dwar il-proġett magħruf bħala Victoria Car Park and Green Space fi Pjazza l-Assedju.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN