STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Tnedija ta’ skemi għall-2025 biex jiġu indirizzati inġustizzji tal-passat
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ħabbar żewġ skemi ġodda sabiex jindirizzaw anomaliji li saru fil-passat. Dawn iż-żewġ skemi jolqtu l-eks ħaddiema tal-International Aeradio Ltd u l-eks impjegati tar-Rediffusion Group of Companies li fis-snin sebgħin kienu assimilati mal-Korporazzjoni Telemalta.
Dawn l-iskemi jingħaqdu m'oħrajn simili maħruġa minn dan il-Gvern tul dawn l-aħħar snin u li l-maġġoranza tagħhom diġà ngħalqu.
Id-dettalji dwar iż-żewġ skemi ġodda ngħataw mill-Ministru Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet.
“Dawn iż-żewġ skemi jingħaqdu m'għexieren oħrajn li ħaddem dan il-Gvern mill-2017 sal-lum. Qed inkomplu nindirizzaw anomaliji tal-passat u li jolqtu eks ħaddiema li magħhom saret inġustizzja. Jinteressana mill-ħaddiema li tant taw kontribut, tant li fuq dawn l-iskemi biss diġà investejna mad-€90 miljun," saħaq il-Ministru Michael Falzon.
L-ewwel skema tittratta kawża mressqa minn eks ħaddiema tal-International Aeradio Ltd li fis-snin 70 kienu impenjati fit-tħaddim tal-ajruport taħt il-kappa tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili. Mat-tmiem tal-ftehim mal-Gvern Ingliż u l-għeluq tal-bażi Ingliża f'Marzu tal-1979, dawn il-ħaddiema kienu ngħataw ħatriet fis-servizz pubbliku.
Il-Ministru Michael Falzon spjega li din l-iskema taħseb biex dawn l-individwi jew l-eredi tagħhom jingħataw għotja ta' darba skont is-snin li għamlu fis-servizz pubbliku mill-1979 sat-tmiem tal-impjieg tagħhom fl-istess servizz pubbliku.
It-tieni skema li tħabbret tolqot eks impjegati tar-Rediffusion Group of Companies li fis-snin sebgħin kienu assimilati mal-Korporazzjoni Telemalta u individwi oħra li kienu impjegati fid-diviżjoni tax-xandir tal-korporazzjoni qabel l-1 ta' Jannar tal-1978.
Sentenza tal-Qorti tal-Appell fl-2023 kienet ordnat lill-Public Broadcasting Corportation (PBS) biex twettaq skema ta' pensjoni simili għal dik imħaddma għall-ħaddiema fis-servizz pubbliku qabel Jannar tal-1979 għal għadd ta' ħaddiema tal-PBS li qabel kienu impjegati mar-Rediffusion. Wara intervent tal-Gvern din l-iskema twettqet is-sena l-oħra.
Grupp ta' ħaddiema oħra li wkoll kienu oriġinarjament impjegati mar-Rediffusion, iżda li maż-żmien kienu ġew assimilati fil-Korporazzjoni Telemalta għamlu kawża kontra l-kumpanija Go bħala l-kumpanija suċċessura tat-Telemalta biex huma wkoll jingħataw l-istess dritt għal pensjoni. Din it-talba kienet miċħuda mill-Qorti. Fid-dawl ta' dan, il-ħaddiema milquta għamlu appell lill-Gvern biex tkun indirizzata l-inġustizzja li ħassew li sofrew.
Din it-talba ġiet diskussa mill-Kabinett u ġie deċiż li ssir skema biex tipprovdi għotja lil dawk l-impjegati mar-Rediffusion Group of Companies li ġew assimilati mill-Korporazzjoni Telemalta u individwi oħra li kienu impjegati fid-diviżjoni tax-xandir tal-korporazzjoni qabel l-ewwel ta' Jannar 1978. Din l-iskema ser tkun mifruxa fuq numru ta' snin u tkun tapplika kemm għal dawk l-individwi li għadhom ħajjin kif ukoll għall-eredi ta' oħrajn li laħqu mietu.
Intant id-dettalji u l-kundizzjonijiet tal-iskemi ser jixxandru fil-Gazzetta tal-Gvern. L-applikazzjonijiet għall-iskemi ġodda ser jintlaqgħu sal-aħħar ta' Lulju u l-ħlasijiet dovuti lil persuni eliġibbli skont kull skema ser isiru f'Novembru.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN