STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Tnedija tal-pubblikazzjoni ‘Beyond Walls: A Social Housing Story’
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, attenda u indirizza t-tnedija tal-pubblikazzjoni bl-isem, Beyond Walls: A Social Housing Story. Din hija pubblikazzjoni tal-Awtorità tad-Djar u hija l-ewwel pubblikazzjoni komprensiva fuq l-akkomodazzjoni soċjali f'Malta li qiegħda turi l-elementi akkademiċi, storiċi u artistiċi ta' dan il-qasam. L-istess pubblikazzjoni turi l-evoluzzjoni tas-settur permezz ta' riċerka li turi l-istorja mit-tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, kif ukoll ritratti storiċi.
Il-Ministru Roderick Galdes spjega, “Meta naraw minn fejn tlaqna bħala pajjiż u fejn qegħdin illum, wieħed ma jistax ma jirrimarkax il-progress li sar f'dan is-settur. Din l-evoluzzjoni tinħass ta' kuljum permezz tal-ħidma li nwettqu u qiegħda tħalli tant differenza tanġibbli fil-ħajja tal-benefiċċjarji."
L-istorja tal-akkomodazzjoni soċjali f'pajjiżna hija magħquda profondament mal-istorja soċjali ta' pajjiżna; mill-kriżi li kienet ġabet magħha l-Gwerra Dinjija, kif ukoll l-isforzi li jsiru kontinwament sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kurrenti, u l-istess sfidi jiddawru f'opportunitajiet.
Wara t-tieni Gwerra Dinjija, il-ħtieġa għall-akkomodazzjoni soċjali saret iktar ta' prijorità. Sal-lum insibu madwar 8,000 unit t'akkomodazzjoni soċjali madwar il-pajjiż. Il-Ministru Galdes stqarr li wara din id-direzzjoni kien hemm dejjem il-prinċipju li akkomodazzjoni li toffri dinjità mhijiex biss neċessità, imma dritt fundamentali, li għandu jingħata lil kulħadd, u mhux lil xi klassi soċjali waħda.
Il-Ministru Galdes kompla jispjega kif tul is-snin, raw diversifikazzjoni fil-mudelli tal-akkomodazzjoni soċjali, minn proġetti kbar, kif ukoll proġetti iktar speċifiċi sabiex jiżguraw li jolqtu l-bżonnijiet ta' kull persuna. Hawn naċċenna għal proġetti li fihom l-Awtorità tad-Djar ħadmet id f'id ma' NGOs sabiex iwessgħu s-servizzi. Fost dawn il-proġetti semma Dar Bla Ħitan, Dar Tereża, Dar il-Kantuniera, kif ukoll Dar Qawsalla. “Dawn il-proġetti kollha għandhom għanijiet differenti, iżda kollha juru kemm fil-prattika qegħdin inwettqu politika li tħares lejn il-bżonnijiet ħolisitiċi tal-persuna; politika li tħalli marka fis-soċjetà Maltija u Għawdxija," tenna l-Ministru Galdes.
Din id-diversifikazzjoni turi bidla li tirrifletti l-bżonnijiet speċifiċi ta' kull soċjetà, li jevolvu kontinwament. Konsegwentament, il-Ministru Galdes semma l-proġetti ta' riġenerazzjoni fl-oqsma tad-djar antiki, kif ukoll il-proġetti tal-liftijiet, li qegħdin ikomplu jgħollu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
“Il-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali jibqa' ta' prijorità għalina. Dan mhux qegħdin ngħiduh biss bil-fomm, iżda qed inkomplu nimplimentaw ta' kuljum aktar proġetti ta' housing soċjali. Matul is-sena l-oħra ġew allokati madwar 514 unit ta' akkomodazzjoni soċjali. Fil-preżent għaddejja l-ħidma fuq bosta proġetti oħra fosthom fuq l-akbar proġett t'akkomodazzjoni soċjali li qatt sar f'pajjiżna, f'sit f'Ħal Farruġ," stqarr il-Ministru Galdes.
“L-istorja mhux biss tkompli tgħallimna, iżda fuqha nistgħu nkomplu nibnu viżjoni b'saħħitha għas-snin li ġejjin. Fl-isfond ukoll tal-Viżjoni 2050 imħabbra mill-Gvern, nħoss li r-riċerka wara l-ktieb li qed inniedu llum, tkompli turi r-rieda li nitgħallmu l-istorja ta' pajjiżna, iżda ukoll li nwasslu politika proattiva li taħseb għal bżonnijiet ta' illum u ta' għada tal-poplu Malti u Għawdxi," kkonkluda l-Ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa stqarr li dan il-ktieb ħa jservi ta' stedina għal diskussjoni matura li twassal għal viżjoni ċara fuq il-futur tal-Housing f'Malta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN