STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Servizz ta’ appoġġ għal anzjani li jisfaw vittma tal-kriminalità
Iġġedded il-ftehim bejn l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità li minnu se jkomplu jibbenefikaw l-anzjani li jisfaw vittma ta' reati kriminali. Il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ aġenziji f'dawn l-aħħar tliet snin għenet sabiex inħoloq aktar għarfien dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità, kif ukoll sar sforz olistiku sabiex l-anzjani jingħataw widen u servizzi ta' kwalità.
Permezz ta' dan il-ftehim imġedded, iż-żewġ entitajiet se jkomplu jsaħħu l-prevenzjoni u l-edukazzjoni fost l-anzjani b'sessjonijiet apposta dwar kif jevitaw reati, kif jagħrfu sinjali ta' abbuż u x'għandu jsir meta jkunu vittma. Dan il-ftehim se jiffoka wkoll biex jintlaħqu aktar anzjani fil-komunità – b'mod partikolari dawk li jgħixu waħedhom jew li jistgħu jkunu iżolati - sabiex ħadd ma jibqa' barra minn dan in-netwerk ta' appoġġ u għajnuna.
L-iffirmar tal-ftehim sar fil-presenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea.
It-tbatijiet li jħossu l-anzjani meta jisfaw vittma ta' reat kriminali huma kkunsidrati d-doppju ta' vittmi oħra ta' età iżgħar. B'mod partikolari, tiġrib ta' natura fiżika u s-saħħa mentali għandhom bżonn perjodu ta' rkupru aktar fit-tul, u t-telf finanzjarju jkun jinħass aktar minħabba l-limitazzjoni mid-dħul finanzjarju. It-trawma li jgħaddu minna l-anzjani toħloq biża', li twassal għal nuqqas ta' fiduċja fl-awtoritajiet, kif ukoll diffikultà fil-mobbilità tal-individwu.
Dan huwa ftehim li qed jiġbor fih is-servizz ta' sapport għall-vittmi, kif ukoll aċċess għas-servizz ta' kura fil-komunità.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif fl-aħħar snin sar shift fil-ministeru għal aktar servizzi lejn il-vittmi, permezz ta' diversi miżuri u servizzi fosthom it-twaqqif tal-Victim Support Agency li fi ftit snin offriet servizz lil aktar minn erbat elef vittma tal-kriminalità. Issa permezz ta' dan il-ftehim qed jintlaħaq ukoll is-settur importanti tal-anzjani biex l-assistenza tal-aġenzija tilħaqhom ukoll. Dan għaliex nifhmu li persuni anzjani jista' jkollhom vulnerabilità doppja quddiem ċirkostanzi ta' kriminalità.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Agius Galea qal li, “Dan il-ftehim imġedded mhux biss isaħħaħ is-servizzi għall-anzjani li jisfaw vittma ta' reat, iżda juri b'mod ċar l-impenn tagħna li l-ebda anzjan ma jibqa' waħdu jew mingħajr għajnuna. B'aktar edukazzjoni, prevenzjoni u koperazzjoni bejn entitajiet, nistgħu nibnu komunità aktar sigura u sensittiva lejn dawk li huma l-aktar vulnerabbli."
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità Brian Farrugia qal li t-tiġdid ta' dan il-ftehim jissimbolizza l-impenn u l-ħidma kollettiva favur l-anzjanità f'pajjiżna, b'mod partikolari dawk l-anzjani li b'xi mod jew ieħor sfaw vittmi tal-kriminalità. Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta' Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo DeGabriele enfasizza l-importanza ta' sistema li ma tħalli lil ħadd warajha. “L-anzjani li jsibu ruħhom vittmi għandhom ikollhom l-istess aċċess għal sapport u kura bħal ħaddieħor," temm jgħid Dr DeGabriele.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN