STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Pjattaforma ġdida “e-Sagħtar” b’korsijiet li jippromwovu l-edukazzjoni b’fondi mill-MCVS
Tnediet pjattaforma ġdida bl-isem ta' “e-Sagħtar", maħsuba biex toffri korsijiet li jippromwovu l-edukazzjoni f'pajjiżna, kemm għaż-żgħar kif ukoll tal-adulti.
It-tnedija ta' din il-pjattaforma diġitali saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) u diriġenti tal-Fondazzjoni Sagħtar, li taħdem qatigħ sabiex issa tinsab f'pożizzjoni li toffri numru ta' korsijiet lill-edukaturi u l-pubbliku.
Dan il-proġett sar permezz ta' investiment ta' €20,000 mill-fondi allokati għall-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) amministrati mill-MCVS.
L-e-Sagħtar hi sistema diġitali li fiha dawk li jattendu l-korsijiet ta' Fondazzjoni Sagħtar isibu kulma jkollhom bżonn għall-kors tagħhom. Fiha wieħed isib il-korsijiet kollha offruti mill-Fondazzjoni u informazzjoni importanti dwarhom. L-istess informazzjoni tinsab fis-sit ta' Fondazzjoni Sagħtar www.saghtar.org.mt fis-sezzjoni “Korsijiet" kif ukoll fl-app tas-Sagħtar. L-informazzjoni dwar il-lezzjonijiet u l-għanijiet tal-kors titla' mill-ewwel meta wieħed jikklikkja fuq isem kors partikolari.
Fl-istess pjattaforma l-utenti jistgħu jsibu wkoll informazzjoni oħra, bħall-aħbarijiet u avviżi li jittellgħu dwar il-korsijiet, minbarra l-materjal edukattiv relatat ma' kull kors partikolari, hekk kif dan jittella' mil-lettur matul il-kors innifsu. L-utenti jistgħu anki jużaw il-pjattaforma e-Sagħtar biex jikkomunikaw mal-letturi, jistaqsu dak li jkollhom bżonn u jgħaddu xi xogħol li jkun mitlub minnhom waqt il-kors, jekk ikun il-każ. Fi tmiem il-kors dawk li jattendu jsibu ċ-ċertifikat tagħhom fuq l-istess pjattaforma.
Waqt l-attività, il-Ministru Julia Farrugia fissret l-importanza ta' dawn il-fondi flimkien mal-kumplament tal-iskemi offruti mill-MCVS, kemm dawk finanzjarji u anke lil hinn. “Illum qed naraw eżempju ċar ta' kif il-Gvern, permezz tal-fondi tal-VOPS, qiegħed jagħti spinta konkreta lil inizjattivi li tassew jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies u jsaħħu l-edukazzjoni f'pajjiżna. Proġetti bħal dawn ma jiġrux b'kumbinazzjoni, iżda huma frott ta' viżjoni ċara li għandna bħala Gvern — viżjoni li tagħti lill-volontarjat u lis-soċjetà ċivili l-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex jilħqu aktar persuni, biex inkomplu nibnu soċjetà li hija aktar inklussiva, aktar miftuħa u aktar impenjata fl-iżvilupp personali u professjonali tal-individwu."
“Il-pjattaforma e-Sagħtar mhux biss toffri opportunità ġdida għal tagħlim għal kull età, iżda tagħmel dan b'mod diġitali, aċċessibbli u modern — li jrid ikun wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-ambizzjoni tagħna għall-edukazzjoni f'pajjiż modern u li jibni wkoll fuq il-Viżjoni Malta 2050 li varajna ftit jiem ilu. Il-fondi tal-VOPS mhux qed jinvestu biss fil-proġetti, iżda qegħdin jinvestu fin-nies, fil-ħiliet tagħhom u fil-futur tagħhom, sabiex b'mod konkret u b'risq il-komunitajiet kollha, inkomplu nibnu Malta li tagħti ċ-ċans u opportunità lil kulħadd," temmet tgħid il-Ministru Farrugia.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS, Mauro Pace Parascandalo, qal “Huwa ta' pjaċir li naraw il-fondi tal-Kunsill jiġu utilizzati biex jissaħħaħ it-taħriġ, li dejjem jibqa' importanti f'kull aspett u fl-oqsma kollha tas-settur."
Marco Bonnici, President tal-MUT u fundatur tal-Fondazzjoni Sagħtar, qal li dan hu proġett importanti għall-Fondazzjoni, għaliex qed testendi l-ħidma tagħha fit-taħriġ għall-edukaturi u għall-pubbliku. Dan qed tagħmlu permezz tal-pjattaforma ġdida e-Sagħtar li tnediet illum grazzi għall-għajnuna tal-iskema VOPS.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN