STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU: Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg f'laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Maldivi Abdulla Khaleed
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg laqa' lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Maldivi Abdulla Khaleed għal żjara ta' tlett ijiem f'Malta.
Waqt laqgħa bilaterali t-Tnejn filgħaxija, il-Ministri ddiskutew il-potenzjal t'aktar kollaborazzjoni f'oqsma ta' interess komuni għaż-żewġ stati gżejjer, fosthom it-turiżmu, is-sajd, l-edukazzjoni u l-investiment dirett barrani. Il-Ministri tkellmu wkoll dwar kwistjonijiet reġjonali u saħqu dwar l-importanza li l-multilateraliżmu jkun imħares u msaħħaħ.
L-interessi ta' nazzjonijiet żgħar, fosthom stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS) kienu fost it-temi ewlenin tal-laqgħa, hekk kif iż-żewġ pajjiżi qed ikomplu jqajmu kuxjenza madwar id-dinja dwar l-isfidi uniċi ta' dawn il-pajjiżi.
Id-Deputat Prim Ministru Borg faħħar lill-Maldivi għall-kontribut tagħha fir-raba' Laqgħa Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar is-SIDS, li wasslet sabiex ġie adottat il-pjan t'azzjoni fuq għaxar snin dwar is-SIDS. “Malta tagħraf li l-kollaborazzjoni internazzjonali hija kruċjali sabiex jingħelbu l-isfidi tas-SIDS, fosthom is-sigurtà reġjonali, ir-reżiljenza klimatika u l-iżvilupp ekonomiku," qal Dr Borg.
Id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll li l-Climate Vulnerability and Resilience Index, li ġie żviluppat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta' Malta flimkien mal-Organizzazzjoni għall-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OACPS) u l-Istitut tal-Gżejjer u l-Pajjiżi ż-Żgħar (ISSI) tal-Università ta' Malta, qiegħed aktar ma jmur isir mudell importanti sabiex tingħata għajnuna effettiva u ffukata lil stati gżejjer żgħar, speċjalment lis-SIDS.
Il-Ministru Abdulla Khaleed tkellem dwar ir-relazzjoni mill-qrib bejn il-Maldivi u Malta, żewġ stati gżejjer li għandhom karatteristiċi u sfidi simili, b'ekonomiji li jiddependu fuq setturi u investimenti li jixxiebhu wkoll. “Naħdmu wkoll flimkien fis-sehem tagħna fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, u tassew napprezzaw l-appoġġ li nirċievu minn Malta f'dan ir-rigward. Bħala stati gżejjer żgħar, qbilna li jeħtieġ inkomplu naħdmu flimkien fil-fora internazzjonali biex inkomplu nsaħħu l-vuċi tas-SIDS, ħalli jinstemgħu aktar," Dr Khaleed qal.
Iż-żewġ Ministri ddiskutew ukoll opportunitajiet edukattivi u ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet, hekk kif f'dawn l-aħħar snin esperti mill-Maldivi studjaw fl-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima (IMLI), li huwa bbażat f'Malta. Studenti mill-Maldivi jistgħu jikkwalifikaw ukoll għall-programm tal-boroż ta' studju dwar is-SIDS li toffri Malta.
Id-Deputat Prim Ministru Borg aġġorna wkoll lill-Ministru Khaleed dwar il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, bejn Mejju u Novembru li ġej, u li se tiffoka fuq is-setgħa liż-żgħażagħ, il-ħarsien tat-tfal, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.
Malta u r-Repubblika tal-Maldivi bdew ir-relazzjonijiet bilaterali bejniethom 40 sena ilu, fil-5 ta' Marzu 1985.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN