Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU U MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Tisħiħ tal-ġustizzja u s-saltna tad-dritt: Malta tospita l-24 edizzjoni tal-Commonweal

pr250572
Date Icon 07/04/2025

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, attendew u indirizzaw l-24 edizzjoni tal-Commonwealth Law Conference, li laqqgħet f’Malta avukati u professjonisti legali oħra mis-56 pajjiż membru tal-Commonwealth.

Hekk kif formalment fetaħ il-konferenza, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg esprima s-sodisfazzjon ta’ Malta li qed tilqa’ din il-laqgħa internazzjonali ta’ professjonisti legali. “F’din l-okkażjoni, ejjew naħdmu flimkien biex niżguraw li l-kontabilità tibqa’ fil-qalba tal-governanza, li l-ġustizzja tibqa’ aċċessibbli għal kulħadd u li l-Commonwealth tibqa’ sservi ta’ xempju tal-valuri demokratiċi.” 

Dr Borg, li bħalissa qed iservi wkoll bħala ċ-Chairperson tal-Grupp t’Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth, stqarr li Malta hija impenjata li tiżgura li l-valuri tal-Commonwealth jiġu mħarsa. “Il-valuri tal-kontabilità, it-trasparenza, is-saltna tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali huma s-sisien tas-suċċess, ta’ ekonomiji b’saħħithom, tal-istabbiltà, tal-paċi u tas-sigurtà madwar il-Commonwealth. Meta nimbuttaw ’il quddiem dawn il-prinċipji qed niżguraw li n-nazzjonijiet tagħna jkomplu jissedqu, u li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu bi sħiħ mill-opportunitajiet fi ħdan din il-familja ta’ pajjiżi.”

Id-Deputat Prim Ministru nnota li hekk kif il-pajjiżi qed jgħixu sitwazzjonijiet globali li dejjem qed isiru aktar kumplessi, l-irwol tal-liġi fil-promozzjoni tal-istabbiltà, tal-ġustizzja u tal-progress qatt qabel ma kien daqstant kruċjali. “Minn teknoloġiji emerġenti għal-liġi ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-kummerċ internazzjonali, il-professjoni legali jeħtieġ tibqa’ l-ħin kollu tadatta u tfittex l-innovazzjoni, sabiex tibqa’ tilqa’ sfidi ġodda. L-Assoċjazzjoni tal-Avukati tal-Commonwealth tinsab fil-post propizju biex tmexxi din il-missjoni. Meta tħaddnu l-ogħla standards etiċi u professjonali, meta tippromwovu l-aċċess għall-ġustizzja u meta ssaħħu s-saltna tad-dritt, tkunu qed tikkontribwixxu għall-pajjiżi rispettivi tagħkom, kif ukoll għas-saħħa kollettiva tal-Commonwealth,” żied jgħid.  

Il-Ministru Jonathan Attard, esprima s-sodisfazzjon tiegħu bir-rwol ta’ Malta bħala l-pajjiż ospitanti ta’ dan l-avveniment sinifikanti. Il-konferenza mhux biss tiċċelebra t-tradizzjonijiet legali komuni, iżda tenfasizza wkoll l-impenn kollettiv li nfasslu l-futur tal-liġi u l-ġustizzja madwar il-Commonwealth.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Attard enfasizza l-istorja rikka ta’ Malta u l-pożizzjoni strateġika tagħha fil-Mediterran, u nnota kif il-gżira sservi bħala pont li jgħaqqad kulturi u ideat. Dan is-setting uniku jagħmel lil Malta post ideali għal diskussjonijiet kruċjali fuq ir-riforma legali u l-innovazzjoni. It-tema tal-konferenza ta’ din is-sena tikkoinċidi mill-qrib mal-isforzi kontinwi ta’ Malta biex issaħħaħ l-istituzzjonijiet legali tagħha u tippreparahom għall-isfidi tal-futur.

Il-Ministru Attard irrimarka li f’dawn l-aħħar snin Malta daħħlet riformi kostituzzjonali storiċi, akkumpanjati minn investimenti sostanzjali fir-riżorsi umani u l-infrastruttura. Fost l-aktar riċenti huwa tkellem dwar l-approvazzjoni ta’ riformi relatati mal-inkjesti maġisterjali u ħabbar abbozz ta’ liġi li dalwaqt se jiġi ppreżentat, bil-għan li titwaqqaf Qorti Kummerċjali speċjalizzata. Barra minn hekk, tenna dwar riformi sinifikanti fil-liġijiet dwar it-traffikar tad-droga u l-miżuri biex tiġi miġġielda l-vjolenza domestika, inkluż it-tfassil tal-femmiċidju fil-kodiċi kriminali.

Filwaqt li saħaq dwar l-importanza tal-kollaborazzjoni, stieden lid-delegati jaqsmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki tagħhom, filwaqt li jkabbru spirtu ta’ solidarjetà fost il-partijiet kollha tal-Commonwealth. “L-impenn sod ta’ Malta lejn id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u sistemi legali aċċessibbli jirriflettu d-dedikazzjoni tagħha li tħares lejn soċjetà ġusta,” temm il-Ministru Attard.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU U MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Tisħiħ tal-ġustizzja u s-saltna tad-dritt: Malta tospita l-24 edizzjoni tal-Commonweal
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU U MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Tisħiħ tal-ġustizzja u s-saltna tad-dritt: Malta tospita l-24 edizzjoni tal-Commonweal
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU U MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Tisħiħ tal-ġustizzja u s-saltna tad-dritt: Malta tospita l-24 edizzjoni tal-Commonweal
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow