Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTIJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Ir-rata tat-twettiq tal-Manifest Elettorali ‘Malta Flimkien’ hija ta’ 66%, 3 snin mill-mandat

PR250569
Date Icon 07/04/2025

“Ir-riżultati fl-implimentazzjoni tal-manifest elettorali fl-ewwel tliet snin huwa xhieda mill-aqwa tal-impenn għaż-żmien li fadal fil-leġislatura.” Hekk intqal mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali Malta Flimkien li kien approvat mill-elettorat Malti fl-elezzjoni ġenerali ta’ tliet snin ilu. Qal li fi tliet snin, ir-rata ta’ xogħol imwettaq fl-implimentazzjoni tal-manifest elettorali hija ta’ 66%.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi stqarr li din l-amministrazzjoni, b’mod konsistenti, qed iżżomm mal-wegħdiet elettorali li saru qabel l-elezzjoni u fil-fatt qed timplimentahom. Fakkar li fl-ewwel mitt jum biss ta’ din il-leġiżlatura, dan il-Gvern kien wettaq il-wegħda ewlenija li jemenda l-liġi biex l-IVF ikun jista’ isir minn aktar familji u dan wassal sabiex jinkiseb suċċess f’dan il-qasam. B’hekk aktar persuni bdew isiru ġenituri f’pajjiżna stess.

Xhieda tal-importanza li l-Gvern jagħti lill-implimentazzjoni tal-Manifest huwa l-fatt li mill-2013 dejjem kien hemm Ministru li kien responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi ta dettalji dwar x’jinvolvi l-proċess tal-monitoraġġ tax-xogħol li jkun qed isir mill-Ministeri kollha b’kordinazzjoni mal-Ministeru li huwa responsabbli għalih u mal-Uffiċċju mwaqqaf apposta fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Kull xahar isiru rapporti dettaljati dwar x’miżuri jkunu qed jiġu implimentati u x-xogħol li jkun għad fadal isir fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri oħra. 

“L-iskop ta’ din il-konferenza tal-aħbarijiet huwa li jingħata rendikont tax-xogħol li sar matul is-sena li għaddiet b’mod partikolari fejn jidħlu inizjattivi li huma favur il-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin. Kif tħabbar mill-Prim Ministru fil-jiem li għaddew, ir-rata ta’ xogħol imwettaq fl-implimentazzjoni tal-manifest elettorali huwa ta’ 66%. Dan apparti li 60% tal-miżuri mħabbra fl-aħħar tliet Budgets ta’ din il-leġiżlatura huma kollha inizjattivi meħuda mill-Manifest Elettorali,” spjega l-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Il-Ministru saħaq li dan is-suċċess miksub fl-ewwel tliet snin ta’ din il-leġiżlatura jawgura tajjeb għas-sentejn li fadal sabiex  jitlesta x-xogħol fuq l-implimentazzjoni tal-inizjattivi kollha li għad fadal jiġu implimentati.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Zrinzo Azzopardi ta bosta dettalji dwar miżuri ewlenin li twettqu b’risq il-ħaddiema, il-familji, iż-żgħażagħ u l-anzjani. Semma fost l-oħrajn li bil-ħolqien tax-xogħol fil-pajjiż, Malta llum għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, żdiedet il-paga minima u ddaħħal il-prinċipju li ħlas ugwali għall-istess xogħol isir anke fil-privat. Semma kif ġie estiż il-family leave urġenti għal 32 siegħa, filwaqt li għal 33,000 ħaddiema taċ-ċivil ġie ffirmat l-aqwa ftehim kollettiv li qatt kellhom dawn il-ħaddiema.

Semma wkoll l-iskema Stabbiltà li waslet għal tnaqqis drastiku fl-inflazzjoni. Semma kif 100,000 familja qed jerġgħu jgawdu mill-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA filwaqt li €140 miljun qed jintefgħu fil-bwiet tal-ħaddiema Maltin permezz ta’ l-akbar tax cut fl-istorja. Ingħatat żieda ta’ €250 oħra fiċ-Children’s Allowance biex issa l-wegħda li kellha titwettaq fuq perjodu ta’ ħames snin, twettqet fl-ewwel tliet snin u żdiedet b’aktar minn dak li kien imwiegħed.

Fost bosta inizjattivi oħra, il-Ministru rrefera wkoll għaż-żidiet ripetuti u b’ammonti akbar mill-COLA li qed jingħataw kull sena lill-pensjonanti, bl-aħħar żieda tkun ta’ €8 fil-ġimgħa, inkluża l-COLA. Dwar iż-żgħażagħ u s-sistema edukattiva, il-Ministru fakkar fl-aqwa ftehim kollettiv li ngħataw l-edukaturi filwaqt li qed ikunu investiti €10 miljun biex tiġġedded il-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Semma wkoll l-għajnuna supplimentari li jirċievu l-familji għall-istudenti u ż-żidiet fl-istipendji għal dawk iż-żgħażagħ li jieħdu korsijiet partikolari fl-Università ta’ Malta u fl-MCAST. Il-Ministru qal ukoll li ż-żgħażagħ li huma first-time buyers issa qed jirċievu it-tieni pagament ta’ €1000 fis-sena għal għaxar snin bħala għajnuna għall-investiment tagħhom fi proprjetà  fejn jgħixu.

Fil-qasam tal-ambjent, il-miżuri fil-Manifest Elettorali juru l-impenn kontinwu tal-Gvern biex il-ħaddiema Maltin u l-familji tagħhom igawdu minn ambjent aħjar fil-pajjiż. Fakkar li Project Green, li kienet wegħda ewlenija tal-Manifest Malta Flimkien, u li matul is-sena li għaddiet lestiet aktar minn 16-il proġett ta’ spazji miftuħa. Saru xogħlijiet fuq riabilitazzjoni ta’ 10 widien u bdew xogħlijiet fuq 19-il proġett ieħor, fosthom 11-il proġett taħt l-iskema Community Greening Grant, it-tieni fażi tal-proġett ta’ Bengħajsa u l-Community Garden fil-Qrendi. Semma wkoll proġetti oħra f’Pembroke u fix-Xewkija, Għawdex. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi fakkar li l-Awtorità  tal-Artijiet qegħda wkoll tidentifika artijiet tal-Gvern li għalkemm jistgħu jinbiegħu lill-privat għal skop ta’ bini, xorta waħda l-Gvern iddeċieda li minflok jgħaddihom lil Project Green biex jinbidlu fi spazji miftuħa. Fost dawn hemm l-artijiet f’Ħal Luqa, Ħal Lija, San Ġiljan u Ħal Kirkop.

Il-Ministru rrefera wkoll għall-wegħda elettorali li l-Gvern ikompli jżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u fil-fatt nefaq xejn inqas minn €930 miljun f’sussidji biex il-prezzijiet tal-enerġija, inkluż dawl, ilma u fjuwils, jinżammu fl-istess livell li kienu snin twal ilu. Fakkar fl-investiment qawwi li qed isir fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-enerġija u li ġie approvat mill-Italja l-proġett tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija.

F’konformità wkoll mal-Manifest Malta Flimkien, il-Ministru rrefera wkoll għad-diversi riformi li qegħdin jitwettqu fosthom fis-settur tal-kostruzzjoni, fil-Qorti tal-Familja, l-istrateġija nazzjonali kontra l-faqar u l-Politika Nazzjonali għat-Tfal. Irrefera ukoll għal diversi inizjattivi mwettqa b’risq il-komunitajiet fosthom ix-xiri ta’ 12-il sede tal-każini tal-baned u l-inawgurazzjoni tal-Ispazju Internazzjonali għall-Arti Kontemporanja, il-MICAS.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm billi rringrazzja lil dawk kollha involuti fl-Amministrazzjoni Pubblika li qed jikkordinaw u jaraw it-twettiq ta’ dan il-Manifest li minn wegħdiet elettorali llum għandna programm intensiv ta’ ħidma li l-istess amministrazzjoni pubblika qed tikkordina sabiex twettaq.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti fost l-oħrajn is-Segretarju Permanenti Ewlieni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Tony Sultana, is-Segretarju tal-Kabinett, Ryan Spagnol, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Carlos Tabone, flimkien ma’ uffiċjali mis-Segretarjat u t-tmexxija għad-Direttorat ta’ Kordinazzjoni u Implimentazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTIJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Ir-rata tat-twettiq tal-Manifest Elettorali ‘Malta Flimkien’ hija ta’ 66%, 3 snin mill-mandat
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow