STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Miżuri favur ġenituri prospettivi – Aktar drittijiet tal-ħaddiema
Il-Gvern se jibda jimplimenta żewġ miżuri mħabbra fil-Budget għal din is-sena, u li jolqtu l-aktar ġenituri self-employed.
L-ewwel miżura hija dik favur ġenituri prospettivi li jaħdmu għal rashom u li jagħmlu trattament tal-IVF. Dan il-Gvern, fl-aħħar snin għen diversi familji li għamlu t-trattament tal-IVF u assista permezz ta' sapport kontinwu u anke fejn jidħol il-leave. Issa jmiss li din l-għajnuna tkun estiża anke għal dawk il-persuni self-employed.
B'hekk ġenituri prospettivi li jaħdmu għal rashom se jibbenefikaw minn 100 siegħa leave mħallas għal kull ċiklu ta' trattament. L-omm prospettiva se tkun intitolata għal 60 siegħa leave, filwaqt li l-konjugi/partner ikunu intitolati għal 40 siegħa oħra.
Dan il-benefiċċju se jkun qed jitħallas bir-rata tal-Paga Minima Nazzjonali għaż-żewġ ġenituri prospettivi, b'dan is-sapport jagħti aktar lok ta' mistrieħ u rkupru, dan filwaqt li l-ġenituri jistgħu jattendu appuntamenti mingħajr stress żejjed.
Intant sal-aħħar ta' din il-ġimgħa jiskatta l-proċess sabiex jinfetħu l-applikazzjonijiet għal dawk il-persuni illi jistgħu jkunu eliġibbli għall-miżura tal-IVF. Fl-istess ħin għaddejja ħidma sabiex fil-jiem li ġejjin tiġi implimentata l-miżura tal-leave ta' paternità lil min jaħdem għal rasu.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, stqarr illi dan il-Gvern se jkompli jinvesti wkoll f'sessjonijiet ta' terapija regolari, kemm individwali u anke fi gruppi, akkumpanjati minn appoġġ psikoloġiku fit-tul u anke dak akkademiku. “Ir-realtà hi li l-IVF mhix biss proċedura medika – hija esperjenza emozzjonali u soċjali, u lil hinn mit-trattament kliniku, nifhem li ħafna persuni li jgħaddu minn dan it-trattament jixtiequ aktar empatija, għarfien u bidla kulturali," stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul fisser l-introduzzjoni ta' dawn iż-żewġ miżuri bħala nifs ġdid mistħoqq lill-ħaddiema self-employed. Qal li l-għoti ta' leave lill-ġenituri prospettivi li jaħdmu għal rashom u li jagħmlu t-trattament tal-IVF u l-estensjoni tal-leave tal-paternità lil min jaħdem għal rasu, jikkumplimentaw sensiela ta' miżuri oħra li introduċa l-Gvern favur il-ħaddiem. “Il-bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja tal-ġenitur ma jintlaħaqx b'miżura waħda f'iżolament, iżda permezz ta' diversi miżuri li flimkien jagħmlu d-differenza f'ħajjet il-ħaddiem. B'hekk il-ħaddiem ikollu aktar ħin ta' kwalità mal-familja tiegħu," saħaq Dr Ellul.
Spjega li meta ddaħħlu l-ewwel sett ta' riformi biex jissaħħaħ il-bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja privata, dak kien biss il-bidu ta' xi ħaġa akbar. Il-leave għall-missirijiet, il-leave għall-ġenituri, il-Carers' Leave, id-dritt ta' arranġamenti ta' xogħol flessibbli, il-leave urġenti għall-familja u ż-żieda storika fil-Paga Minima Nazzjonali lkoll huma parti mill-kullana ta' miżuri li ġew introdotti biex jissaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
“Miżura oħra li bdiet konsultazzjoni dwarha hija l-Miscarriage Leave. Kif wasalna b'konsultazzjoni u djalogu miftuħ fuq riformi oħra, hekk ukoll se nkunu qed nagħmlu din id-darba fl-introduzzjoni ta' dan il-Leave," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Waqt din l-istess konferenza, tkellmet ukoll Martina Zammit, personalità rinomata f'pajjiżna, li flimkien mal-mara tagħha Emma għaddiet mit-trattament tal-IVF, trattament li ddeskriviet bħala diffikultà fiżika u emozzjonali, hekk kif filwaqt li l-koppja trid tgħaddi minn proċess ta' testijiet, scans u mediċina, xorta waħda trid tibbilanċja x-xogħol. Żiedet tgħid kif permezz ta' din il-miżura se jkunu qed jiġu megħjuna l-persuni self-employed waqt li jkunu għaddejjin minn dan il-proċess diffiċli u sensittiv, b'dan iwassal għal postijiet tax-xogħol aktar inklussivi għall-ħaddiema u għall-familja.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN