STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI L-Advanced Mobile Laboratory tal-EMBL jasal Malta – pass ġdid għall-innovazzjoni xjentifika f’pajjiżna u l-kollaborazzjoni Ewropea
Malta laqgħet uffiċjalment l-Advanced Mobile Laboratory tal-European Molecular Biology Laboratory (EMBL), faċilità ta' riċerka avvanzata li se tkun ibbażata f'pajjiżna għal erba' ġimgħat. Dan tħabbar waqt konferenza fl-Università ta' Malta, mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Il-Ministru Clifton Grima qal li dan huwa pass ieħor fit-triq li biha pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fix-xena xjentifika Ewropea. “Pass importanti ieħor li permezz tiegħu qed inkomplu bl-impenn tagħna fejn tidħol ix-xjenza u r-riċerka. Proġett li permezz tiegħu se jibbenefikaw minnu mhux biss l-akkademiċi u l-istudenti, imma l-komunità b'mod ġenerali. Qed nuru wkoll it-tisħiħ tar-riċerka f'settur tant importanti, dak tas-saħħa," qal il-Ministru Grima.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti enfasizza kif dan il-proġett jikkonferma l-impenn tal-Gvern biex jibni komunità xjentifika reżiljenti u li kapaċi tikkontribwixxi globalment. “Mhux biss qed nilqgħu laboratorju mobbli, imma qed nilqgħu opportunità li tinvolvi t-taħriġ tal-akkademiċi tagħna, li tħeġġeġ lit-tfal iħarsu lejn ix-xjenza b'għajnejn ta' ispirazzjoni, u li tpoġġi lil Malta f'pożizzjoni strateġika f'riċerka marittima u ambjentali," qal Azzopardi Tanti.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar li minn meta Malta ssieħbet mal-EMBL fl-2016, l-impatt fuq ix-xena lokali tar-riċerka kien wieħed sostanzjali, b'ħidma innovattiva f'oqsma bħall-onkoloġija, il-mard rari, u l-mikrobijoloġija. Żied jgħid ukoll li dan kollu huwa konformi mal-istrateġija nazzjonali sabiex jissaħħu l-istituzzjonijiet u tissaħħaħ l-infrastruttura tar-riċerka.
Il-proġett, li huwa parti mill-programm TREC tal-EMBL, se jiffoka fuq diversi oqsma ta' importanza globali fosthom il-bijoloġija tal-baħar, l-ekoloġija, il-mikrobijoloġija, l-onkoloġija, u l-mard rari. Se jsir ukoll użu minn apparat speċjalizzat bħall-Benthic Organism Catchers biex tiġi esplorata l-bijodiversità tal-baħar Mediterranju madwar Malta.
Il-Professur Melissa Formosa, li kienet qed tissorvelja dan il-proġett f'isem l-Università ta' Malta, spjegat li dan l-involviment dirett tal-EMBL f'Malta joffri mhux biss kollaborazzjoni għar-riċerkaturi lokali iżda wkoll tagħlim intensiv u aċċess għal teknoloġija li normalment tkun barra mill-ħila ta' istituzzjonijiet żgħar. “Għandna fostna timijiet mill-Fakultajiet tax-Xjenza, ix-Xjenzi tas-Saħħa, u l-Mediċina. L-esperjenza tagħhom se titwettaq f'riċerka b'impatt reali fuq is-saħħa u l-ambjent," qalet il-Professur Formosa.
Il-Laboratorju Mobbli mhux biss se jintuża għal skopijiet akkademiċi imma wkoll għal inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni fis-soċjetà u mal-istudenti żgħar. L-għan huwa li l-ġenerazzjoni li jmiss tara fix-xjenza karriera realistika u ispiranti.
Il-Gvern ħabbar ukoll li dan mhuwiex eżerċizzju uniku iżda parti minn pjan fit-tul biex iż-żjarat tal-Advanced Mobile Laboratory isiru b'mod regolari u jkomplu jibnu fuq dak li se jintlaħaq f'din iż-żjara.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN