STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Għajnuna lill-persuni li ħarġu mill-vjolenza domestika
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kompla bil-missjoni tiegħu sabiex jindirizza ċertu sitwazzjonijiet ta' tbatija li jkunu għaddew minnhom nisa li ffaċċjaw sitwazzjonijiet ta' vjolenza domestika.
Fil-fatt it-Tnejn filgħodu, ġie ffirmat ftehim eżistenti li l-Ministeru kellu mal-Fondazzjoni Merħba Bik, illi tmexxi u toffri servizz minn żewġ residenzi, li jilqgħu nisa u tfal.
Waħda minn dawn ir-residenzi bl-isem Dar Santa Bakita, isservi bħala post sabiex minnu jingħata programm terapewtiku. Il-maġġoranza tas-servizz offrut jinvolvi counselling individwali, xogħol u taħriġ soċjali li eventwalment jipprepara lil dawn il-persuni sabiex jibnu futur lura fil-komunità.
Ir-residenza l-oħra, Dar Merħba Bik, isservi ta' xelter għal nisa bit-tfal li ma' jkollhomx saqaf fuq rashom. Ħafna drabi, dawn il-ġenituri flimkien ma' uliedhom ikunu għaddew minn esperjenzi trawmatiċi.
“Kull darba illi nżur residenzi bħal dawn, nimtela b'kuraġġ meta nara s-servizzi b'saħħithom li jingħataw lil dawn il-persuni. Dawn ir-residenzi m'għandhomx biss użu ta' xelter iżda anke post fejn fihom tingħata għajnuna emozzjonali, f'dak magħruf ukoll bħala group therapy," stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Dan il-ftehim ilaħħaq il-finanzjament ta' €1,354,515 fuq medda ta' 3 snin, u li jfisser ukoll żieda ta' 26% fuq il-ftehim preċedenti. Huwa wkoll parti minn 34 ftehim illi l-Ministeru Soċjali għandu ma' 24 entità differenti. Dan qed issir b'allokazzjoni finanzjarja ta' €13.55 miljun, qabża ta' miljun u nofs ewro fuq is-somma tas-sena li għaddiet.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN