STQARRIJA MIIL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Inawgurat spazju miftuħ: Misraħ Santa Duminka f’Ħad-Dingli
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, flimkien ma' INDIS Malta, NDSF u l-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli, inawguraw spazju miftuħ; Misraħ Santa Duminka f'Ħad-Dingli.
Dan l-ispazju, biswit il-kappella ta' Santa Duminka mibni fuq 800 metru kwadru ta' art li sa ftit taż-żmien ilu kienet mitluqa, se jservi bħala post ta' rikreazzjoni għall-familji tal-madwar. Dan il-misraħ qed jirrispetta l-pajsaġġ Malti b'siġar taż-żebbuġ u ċipress.
Il-Ministru Schembri qal li INDIS Malta għandha l-għan li tamministra ż-żoni industrijali f'pajjiżna u talloka spazji biex jintużaw għall-fabbriki, iżda wkoll qed tappoġġja numru ta' proġetti bħal dan tal-lum, bi spazji miftuħa fil-qalba tal-irħula jew żoni industrijali. Dan il-proġett huwa parti minn kullana ta' proġetti taħt ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) ta' INDIS Malta. Minbarra dan il-proġett, qed isiru wkoll proġetti simili f'Bulebel, is-Siġġiewi u Ħal Qormi. Saru wkoll xogħlijiet ta' restawr fiż-Żejtun, Ħal Kirkop u l-Mellieħa.
“Proġetti bħal dan huma wkoll konsistenti mal-Viżjoni Malta 2050 bl-għan ewlieni tal-viżjoni jkun li jkollna kwalità ta' ħajja sana għall-poplu Malti. Irridu jkollna aktar postijiet ta' rikreazzjoni bħal dan il-misraħ, fejn il-familji tagħna jkunu jistgħu jqattgħu ftit ħin ta' mistrieħ f'ambjent naturali fil-komunità tagħhom stess," qal il-Ministru Silvio Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv ta' INDIS Malta, Jean Pierre Attard qal, “INDIS tgħożż ir-responsabbiltà li trodd lura lill-komunità u huwa għalhekk li bħala ringrazzjament lir-raħal ċkejken ta' Ħad-Dingli, twettaq dan il-proġett. Dan il-misraħ huwa armat b'pannelli żgħar b'saħħithom biżżejjed biex iħaddmu d-dawl, il-pompi tal-ilma, is-sistema ta' irrigazzjoni u CCTV cameras."
Il-Kap Eżekuttiv tal-NDSF, Raymond Ellul qal, “Dan il-Proġett huwa wieħed minn sensiela ta' proġetti oħra ffinanzjati mill-NDSF, immirati lejn it-tħaddir urban f'diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. L-għan ewlieni tagħhom hu li ntejbu l-andament soċjali u ambjentali tal-pajjiż għall-ġenerazzjonijiet preżenti kif ukoll futuri."
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta' Ħad-Dingli, Raymond Schembri qal, "Din hija ħolma tal-poplu ta' Ħad-Dingli li qed issir realtà. Ħolma li nbniet fuq it-talba u ħtiġijiet tar-residenti fl-inħawi li jkollhom aktar parkeġġi mdawra f'post ta' rikreazzjoni sigur."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN