STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Malta tkompli tinsisti favur enerġija affordabbli u infrastruttura tal-enerġija aktar b’saħħitha
“Il-politika dwar l-enerġija trid isservi lill-poplu" – Ministru Miriam Dalli
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli ħadet sehem fil-Kunsill tat-Trasport, it-Telekomunikazzjoni, u l-Enerġija (TTE) fi Brussell, fejn saħqet fuq il-ħtieġa ta' enerġija affordabbli, infrastruttura tal-enerġija aktar b'saħħitha, u sistema tal-enerġija Ewropea li taħdem għall-benefiċċju ta' kulħadd.
“Il-Gvern Malti se jkompli jiġġieled għal prezzijiet orħos tal-enerġija, provvista sigura, u futur sostenibbli għal benefiċċju ta' kulħadd. L-enerġija għandha tkun affordabbli għal kull familja, u kull negozju għandu jopera mingħajr il-biża' li l-prezzijiet jogħlew mingħajr kontroll," qalet il-Ministru Miriam Dalli waqt il-laqgħa tal-Kunsill.
Billi l-prezzijiet tal-enerġija reġgħu qed jiżdiedu, wieħed mis-suġġetti ewlenin fil-laqgħa tal-Kunsill kien il-Pjan t'Azzjoni għall-Enerġija Affordabbli, li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea. Dan il-pjan għandu l-għan li jnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija, isaħħaħ l-Unjoni tal-Enerġija, u jħejji għal sfidi futuri.
Malta laqgħet din l-inizjattiva, li tirrifletti l-impenn tal-gvern matul is-snin li jipproteġi lill-familji u lin-negozji minn żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija.
Il-Ministru Dalli saħqet li l-isforzi tal-Kummissjoni biex tnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija fl-UE huma pass pożittiv. “Malta ħadmet bla waqfien biex iżżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, anke fi żminijiet diffiċli. Dan huwa impenn li tajna lin-nies tagħna u li se nkomplu nwettqu. Jekk l-ispejjeż tal-enerġija madwar l-Ewropa jsiru aktar affordabbli, dan se jgħinna fl-appoġġ li nkunu qed nagħtu," qalet il-ministru.
Malta ilha tisħaq fuq il-ħtieġa għal Unjoni tal-Enerġija kompluta, li tiżgura li l-Istati Membri kollha – inkluż dawk iż-żgħar u dawk fil-periferija – ikunu mqabbda b'mod sħiħ man-netwerk tal-elettriku u tal-gass Ewropew. Il-Ministru Dalli ħeġġet lill-UE biex tipprovdi appoġġ finanzjarju aktar b'saħħtu għall-gżejjer bħalma hi Malta, fejn l-infrastruttura enerġetika hija aktar għolja.
“Ma nistgħux nitkellmu dwar suq tal-enerġija magħqud jekk xi Stati Membri, inkluż Malta, għadhom mhumiex mqabbdin man-netwerk tal-gass tal-UE. L-UE trid tappoġġja investimenti fl-infrastruttura tal-gass u l-elettriku, kif ukoll teknoloġiji ġodda bħall-pipelines adatti għall-idroġenu u l-enerġija rinnovabbli fuq il-baħar," saħqet il-Ministru Dalli.
Il-Kunsill iddiskuta wkoll l-infrastruttura tas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa. Il-Ministru Dalli enfasizzat il-bżonn ta' miżuri aktar b'saħħithom fil-qasam tas-cybersecurity u inizjattivi biex jipproteġu l-infrastruttura kritika tal-enerġija.
Id-diskussjonijiet fuq dawn il-kwistjonijiet kruċjali dwar l-enerġija se jkomplu fil-laqgħat tal-enerġija tal-UE f'Ġunju, fejn Malta se tkompli taħdem favur enerġija ġusta, affordabbli, u sigura għal kulħadd.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN