STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Il-pjan ta’ miżuri biex tiġi indirizzata l-isfida tat-traffiku diskuss waqt laqgħa mal-MCESD
F'laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ippreżenta sensiela ta' miżuri mmirati biex tiġi mitigata l-isfida tat-traffiku f'pajjiżna.
Il-Ministru Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħqu li din il-laqgħa mmarkat tmiem ta' proċess li jindirizza s-settur fis-sens wiesgħa tiegħu u li kien ikkaratterizzat minn diskussjonijiet mal-esperti u msieħba soċjali kif ukoll konsultazzjoni pubblika estensiva.
Il-Ministru Chris Bonett esprima r-ringrazzjament tiegħu għal kull min ipparteċipa u ressaq il-proposti tiegħu u enfasizza li dawn il-konsultazzjonijiet kienu kruċjali biex jinbnew il-miżuri b'suċċess, li jilħqu u jissodisfaw il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti. Huwa kompla billi spjega kif wara li l-pubbliku qajjem numru ta' proposti u ideat, li saħansitra laħqu l-elf proposta, ġew analizzati u kkunsidrati biex jinħarġu l-miżuri.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul esprima s-sodisfazzjon tiegħu li kulma jmur, l-imsieħba soċjali qed jibqgħu jiġu kkonsultati u mismugħa dwar materji ta' natura ekonomika u soċjali. Saħaq li t-trasport huwa qasam li jimpatta l-kwalità tal-ħajja tal-poplu u għalhekk huwa kruċjali li l-imsieħba fl-MCESD, jagħtu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett. Sostna li kull meta l-imsieħba ġew ikkonsultati saru kisbiet kbar għal pajjiżna, fosthom il-ftehim storiku li ra żieda fil-Paga Minima Nazzjonali u l-bidla fil-Liġi li tirregola t-temping agencies. Huwa temm billi rringrazzja lill-imsieħba tal-kontribut tagħhom, bil-għan li pajjiżna u l-poplu tiegħu jibqa' miexi 'l quddiem.
Iċ-Chairperson tal-MCESD David Xuereb saħaq li din il-laqgħa tal-Kunsill saret fuq inizjattiva tal-imsieħba soċjali, li talbu aġġornament mill-Ministru għat-Trasport dwar il-proposti mressqa u l-miżuri li qed jiġu implimentati biex jindirizzaw l-isfida tat-traffiku. L-imsieħba soċjali offrew l-għarfien espert u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-ministeru f'diskussjoni kostruttiva, qabel dawn il-miżuri jiġu ppubblikati u kkomunikati mal-pubbliku. Iċ-Chairperson enfasizza li dan hu l-veru spirtu tad-djalogu soċjali: diskussjoni miftuħa u sinċiera li twassal għal inizjattivi konkreti minn fejn jibbenefika l-pubbliku.
Il-gvern huwa impenjat li minn pjan miktub issa jgħaddi għall-fatti, tant li l-pjan se jiġi żvelat pubblikament fil-ġimgħat li ġejjin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN