STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Il-Ministru Byron Camilleri b’ħidma favur Malta fil-laqgħa tal-Kunsill fi Brussell
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, attenda l-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Intern fi Brussell, li ffukat fuq il-migrazzjoni irregolari u kwistjonijiet relatati ma' Schengen.
Il-Ministru Camilleri saħaq fuq l-importanza taż-Żona Schengen għall-Unjoni Ewropea u nnota kif il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u sistema effettiva ta' ritorn huma ż-żewġ pilastri ewlenin ta' Żona Schengen li tiffunzjona tajjeb, u li tkun robusta u sigura. Filwaqt li nnota b'mod pożittiv it-tnaqqis fil-wasliet irregolari u ż-żieda fir-rata tar-ritorn irreġistrati fl-Unjoni Ewropea fl-2024, il-Ministru Camilleri qal li għad hemm bżonn li jsiru sforzi sinifikanti u appella lill-Unjoni Ewropea biex timxi fuq il-passi ta' Malta.
F'dan ir-rigward, il-Ministru Camilleri enfasizza s-suċċess li Malta kisbet f'dawn l-aħħar snin fit-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari lejn xtutna, suċċess li nkiseb permezz ta' aktar investiment fl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll permezz tat-twaqqif ta' unitiddedikat għar-ritorni u ta' networking iktar b'saħħtu ma' pajjiżi terzi ewlenin, kemm ta' tranżitu kif ukoll ta' oriġini. Dawn l-isforzi rriżultaw fi tnaqqis ta' 93% fin-numru ta' wasliet irregolari rreġistrati fl-2024 meta mqabbla ma' ħames snin qabel, filwaqt li l-proporzjon ta' ritorni meta mqabbel ma' wasliet irregolari żdied għal 83.2% fl-2023 u għal 68% fl-2024.
Il-Ministru enfasizza l-ħtieġa fundamentali għal qafas legali ġdid għar-ritorni li jispeċifika obbligi u konsegwenzi ċari għan-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-persuni rimpatrijati. Il-Ministru enfasizza wkoll il-ħtieġa għal aktar involviment ma' pajjiżi terzi ewlenin ta' oriġini u ta' tranżitu, inkluż permezz tal-finalizzazzjoni ta' ftehimiet komprensivi.
Il-Ministru Camilleri, filwaqt li wera l-appoġġ ta' Malta għall-iskadenzi riveduti dwar l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà tas-Sistemi tal-IT tal-UE fuq skala kbira, u l-bidu progressiv tas-sistema ta' Dħul/Ħruġ, tenna li Malta hija lesta biex tibda timplimenta dawn is-sistemi l-ġodda.
Fil-marġini tal-Kunsill, il-Ministru Camilleri kellu laqgħa informali mal-Kummissarju l-ġdid għall-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni, Magnus Brunner. Is-suġġetti diskussi kienu jinkludu s-suċċess ta' Malta fit-tnaqqis ta' influssi irregolari, u l-ħtieġa li l-UE timxi 'l quddiem fil-prevenzjoni, tassisti lil dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, filwaqt li tirritorna lil dawk li ma għandhomx bżonn protezzjoni internazzjonali. F'dan ir-rigward, il-Ministru saħaq fuq l-importanza ta' qafas legali ġdid għar-ritorni li jispeċifika obbligi u konsegwenzi ċari għan-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-persuni rimpatrijati.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN