STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Imniedi s-Screen Support Scheme
Meta mqabbel ma' tliet snin ilu, dan il-fond li minnu jibbenefikaw il-produzzjonijiet lokali ttrippla
Ġie mniedi s-Screen Support Scheme, skema mmirata speċifikament biex issaħħaħ l-industrija indiġena tal-films u tal-iscreen f'Malta. Din l-iskema, li hija mmaniġġjata mill-Kunsill Malti għall-Arti, hija xhieda tal-impenn tal-Gvern lejn is-setturi kreattivi u kulturali, inkluż dawk marbuta ma' dawn l-oqsma, f'pajjiżna.
Għal din is-sena l-iskema se tara żieda fil-fondi, fejn it-total ta' fondi allokati tela' għal €2 miljun. Meta mqabbel ma' tliet snin ilu, l-investiment fil-produzzjonijiet lokali se jkun għalhekk qiegħed jittrippla.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, sostna, “Il-qasam tal-produzzjonijiet indiġeni huwa pilastru importanti fis-settur kreattiv u din l-iskema, kif ġiet ristrutturata, tkompli turi kemm il-Gvern qiegħed jisma' u jaġixxi biex isaħħaħ dan is-settur."
“Il-kultura u l-kreattività huma kruċjali għall-identità tagħna, u b'din l-iskema qegħdin nagħtu lill-artisti Maltin l-opportunità li jkomplu jtellgħu xogħol ta' kwalità li jirrifletti t-talent lokali," qal il-Ministru Bonnici, u saħaq li din hija konferma oħra tal-impenn tal-Gvern biex flimkien dan is-settur isir dejjem iktar b'saħħtu u sostenibbli.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li l-Kunsill kommess li jkompli l-ħidma favur aktar inizjattivi għas-settur artistiku u kreattiv bħal din l-iskema, li din is-sena rat żieda sostanzjali fl-investiment.
L-iskema hija maqsuma f'ħames taqsimiet biex tkopri diversi stadji tal-produzzjoni tal-films:
- Strand 1: Kitba ta' Skripts – Appoġġ għall-iżvilupp ta' skripts oriġinali.
- Strand 2: Żvilupp – Fondi għall-fażijiet ta' żvilupp ta' proġetti.
- Strand 3: Produzzjoni ta' Films Qosra – Għajnuna finanzjarja għal films qosra.
- Strand 4: Produzzjoni ta' Films– Riżorsi għal produzzjonijiet fit-tul.
- Strand 5: Programmi Kulturali – Appoġġ għal inizjattivi kulturali.
Linji gwida dettaljati u l-formoli ta' applikazzjoni jinsabu hawn: www.artscouncil.mt. L-applikazzjonijiet se jiġu evalwati fuq il-kriterji ta' oriġinalità, viżjoni u impatt fuq l-udjenza lokali u internazzjonali. Din l-iskema se tagħlaq fil-15 ta' April 2025.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN