STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI
Imniedi Perlina TV b'kontenut kompletament bil-Malti għal tfal ta' etajiet differenti
Fl-iskola primarja tal-Imsida, illum il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nedew l-app Perlina TV, app innovattiva li għandha kontenut kompletament bil-Malti u li hija indirizzata għal tfal ta' etajiet differenti.
Permezz ta' din l-inizjattiva nħolqot pjattaforma ġdida aċċessibbli bil-għan li t-tfal isibu l-istess kwalità ta' kontenut li jsibu fuq pjattaformi barranin, u għalhekk ikunu esposti aktar għall-ilsien Malti u jiddevertu fl-istess ħin. L-app se jkollha kontenut li huwa kollu mmirat għal tfal taħt l-għaxar snin, bi programmi dedikati apposta għal etajiet differenti. Il-kontenut għandu varjetà ta' programmi, minn sensiliet animati, logħob bil-ġugarelli, vlogs mit-tfal, xow bil-pupazzi u anke programmi bi preżentazzjoni. L-inizjattiva qed issir bi sħab ma' Sharp Shoot Media.
Il-Ministru Grima qal, “Din hija inizjattiva oħra minn sensiela li permezz tagħha qed naraw li nsaħħu l-lingwa Maltija u nesponu lil uliedna għal ilsien pajjiżna. Permezz ta' din l-inizjattiva qed niffukaw fuq il-kwalità biex inħajru lit-tfal jaraw u jsegwu varjetà ta' programmi bil-lingwa tagħna mingħajr ma jħossuhom li qed jaraw xi ħaġa inferjuri minn dak li mdorrijin jaraw fuq pjattaformi barranin".
Il-Ministru Grima qal li l-lingwa Maltija hija ċavetta importanti għall-identità tan-nazzjon tagħna u filwaqt li huwa importanti li t-tfal Maltin ikunu kapaċi jitkellmu b'lingwi oħrajn, madankollu rridu nkomplu naħdmu biex nippriservaw il-lingwa Maltija.
Din hija inizjattiva oħra minn sensiela li permezz tagħha qed tingħata importanza għal-lingwa Maltija. Fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni hemm diversi miżuri li jindirizzaw it-tisħiħ tal-lingwa Maltija fil-perkors edukattiv tal-istudenti, fosthom l-introduzzjoni ta' kontenut diġitali bil-lingwa Maltija. Apparti dan, hemm id-diversi kotba bil-lingwa Maltija li jiġu ppubblikati minn żmien għal żmien u li jitqassmu fl-iskejjel, miżuri li daħlu permezz tal-budget, fosthom it-tqassim ta' kotba fid-djar lill-istudenti biex jibnu librerija, inċentivi għall-istudenti li jżuru l-fiera tal-kotba, il-ħidma kbira li qed issir mill-Aġenzija Nazzjonali għal-Litteriżmu biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-qari u wkoll appoġġ għall-apps tal-mezzi diġitali li jkunu bil-lingwa Maltija.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan huwa pass konkret minn gvern li verament jemmen fil-ħarsien u fil-promozzjoni tal-ilsien Malti. Filwaqt li f'pajjiżi oħra lingwi żgħar qed jitilfu l-viżibbiltà tagħhom, saħaq li hawn qed naraw investiment ċar biex il-Malti jkollu postu fuq pjattaformi diġitali u fost it-tfal.
“Grazzi għaċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, qegħdin nikkontribwixxu flimkien ma' entitajiet oħra biex nagħtu lil-lingwa Maltija mhux biss futur, imma wkoll preżent b'saħħtu u dan bil-ħolqien ta' riżorsi sbieħ bil-Malti li jħabbtuha ma' riżorsi ta' livell li uliedna huma esposti għalihom b'lingwi oħra. Din hija viżjoni ċara li l-kultura u l-identità tagħna huma prijorità," temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Perlina TV, li bbenefikat ukoll mill-fondi tal-Kunsill Malti għall-Arti, hija aċċessibbli għall-pubbliku bħala sit online u anke bħala app minn App Store u Google Play, filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ħa ħsieb li jħallas l-abbonament għal sena għall-iskejjel kollha tal-Istat, tal-Knisja u l-iskejjel indipendenti.
Għat-tnedija kienu preżenti s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni Matthew Vella, kif ukoll Steven Dalli u Justin Farrugia, produtturi ta' Sharp Shoot Media.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN