Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Titnieda l-logħba edukattiva ‘Mal-Għoxrin’

pr250315
Date Icon 24/02/2025

Illum tnediet uffiċjalment il-logħba 'Mal-Għoxrin', proġett tal-e-twinning bejn żewġ klassijiet tas-sitt sena minn żewġ skejjel, l-Iskola Primarja tal-Kulleġġ De La Salle, il-Birgu, u l-Kulleġġ Santa Margerita, Dr Frans Chetcuti Skola Primarja Żabbar B.

It-tnedija saret fil-Kulleġġ De La Salle mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, il-kapijiet taż-żewġ skejjel, l-għalliema u l-istudenti nfushom li ħadmu fuq din ir-riżorsa. Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll David Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Din il-logħba se tkun imqassma fl-iskejjel mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, bil-għan li l-istudenti jilagħbu din il-logħba bejniethom, flimkien mal-għalliema rispettivi tagħhom. Il-logħba tgħin biex jinkiseb għarfien dwar aspetti differenti fil-kultura Maltija, fosthom il-festi, l-ikel tradizzjonali, il-postijiet ta' interess u dawk storiċi. Permezz tal-logħba l-istudenti jisimgħu u jsegwu testi informattivi u aħbarijiet, fosthom dwar l-ambjent, il-kultura, il-ġrajjiet kurrenti, bijografiji u kurżitajiet. Apparti minn hekk, l-istudenti jkollhom il-faċilità wkoll li jużaw mezzi differenti għat-tagħlim, permezz ta' kitba, ta' illustrazzjonijiet u ta' QR codes. L-għan huwa li jkun hemm interazzjoni ta' qari, smigħ, fehim u stampi. Fuq kollox, il-logħba tgħin biex jistagħna l-litteriżmu bil-Malti fost l-istudenti, bil-għan li jaqraw u jitħarrġu f'eżerċizzji tas-smigħ u fehim.

Il-Ministru Clifton Grima qal, “Bħala pajjiż qegħdin dejjem aktar nagħtu opportunitajiet lill-istudenti tagħna biex dawn jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom. Illum rajna kollaborazzjoni bejn Skola tal-Istat, Skola tal-Knisja u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, li permezz tagħha l-istudenti għamlu riċerka u ħolqu din il-logħba. Logħba li hija ta' importanza għaliex turi li meta tgħaddi l-għodda lill-uliedna, dawn kapaċi jagħtu riżultat mill-aqwa."

Waqt it-tnedija ntwera filmat tal-istudenti jilagħbu din il-logħba, filwaqt li l-logħba ntlagħbet ukoll fiżikament f'forma ta' workshop, fil-preżenza tal-Ministru, il-membri tal-amministrazzjoni taż-żewġ skejjel, l-għalliema u uffiċjali mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Il-Kap tal-Iskola Primarja tal-Kulleġġ De La Salle, Nicolai Mifsud, tħaddet dwar din il-logħba, segwit minn Stephen Cachia, id-Direttur tal-Kulleġġ De La Salle.

Rita Azzopardi, Edukatriċi tal-Iskola Primarja De La Salle spjegat li, “Il-ħsieb tal-logħba hija li l-ewwelnett tippromwovi l-kultura Maltija u dak kollu li huwa Malti imma wkoll minbarra li l-istudenti qegħdin jitgħallmu, qed jieħdu gost jitgħallmu f'ambjent differenti." Azzopardi spjegat ukoll l-involviment tat-teknoloġija moderna, għaliex uħud mill-mistoqsijiet jistgħu jitwieġbu permezz tat-tagħmir elettroniku.

Il-kaxxa tal-logħba tinkorpora fiha 6 mazzi ta' kards, bi 30 kard f'kull mazz, li wħud minnhom għandhom ukoll QR codes b'filmati, ritratti jew illustrazzjonijiet diġitali; damma; klessidra għaż-żamma tal-ħin; u karta bl-istruzzjonijiet (bil-QR code).

L-illustrazzjonijiet ta' din ir-riżorsa nħolqu minn Sarah Pisani, f'kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u l-iskejjel, b'kopubblikazzjoni bejn il-BDL u l-Horizons. Il-proġett ġie mmaniġġjat u ffinanzjat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Titnieda l-logħba edukattiva ‘Mal-Għoxrin’
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Titnieda l-logħba edukattiva ‘Mal-Għoxrin’
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Titnieda l-logħba edukattiva ‘Mal-Għoxrin’
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow