STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Ilma nadif u sostenibbli għan-nurseries tal-futbol
Tnieda proġett innovattiv biex jiġu installati dispensers tal-ilma tax-xorb moderni fin-nurseries tal-futbol. L-idea wara din l-inizjattiva hi biex kull atleta żagħżugħ u membri tal-komunità jkollhom aċċess faċli għall-ilma filwaqt li jonqos l-użu tal-plastik.
L-inizjattiva IlmaGħalik, imnedija mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika flimkien mal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) b'kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), hija pass importanti lejn ambjent iktar sostenibbli u titjib fis-saħħa tal-komunità. Billi tipprovdi aċċess għall-ilma tax-xorb nadif bla ħlas fin-nurseries tal-futbol lokali, din l-inizjattiva mhux biss tappoġġja s-saħħa pubblika iżda wkoll tnaqqas b'mod sinifikanti l-iskart tal-plastik f'postijiet sportivi.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Din l-inizjattiva hija investiment fiż-żgħażagħ tagħna, fil-komunitajiet tagħna u fl-ambjent tagħna. Billi niżguraw li kull atleta żagħżugħ ikollu aċċess għall-ilma tax-xorb nadif, qed nikkonfermaw li l-għajxien sostenibbli, it-tnaqqis fl-użu tal-plastik u s-saħħa pubblika huma prijoritajiet għas-soċjetà tagħna."
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano stqarr, “Din hija inizjattiva oħra bil-għan li nappoġġjaw għadd ta' setturi differenti, fosthom għaqdiet volontarji inkluż il-klabbs tal-futbol u n-nurseries tagħhom. Permezz ta' din l-inizjattiva qed inkomplu nsostnu lill-għaqdiet fil-ħidma tagħhom fil-komunitajiet lokali, filwaqt li ntejbu l-aċċessibiltà għal ilma nadif u tajjeb għax-xorb."
Din l-inizjattiva tipprovdi:
- Ilma nadif u aċċessibbli fejn wieħed jista' faċilment jimla l-ilma mill-ġdid, bl-aktar mod faċli u favur l-ambjent;
- L-EWA se tkopri l-ispejjeż tal-installazzjoni u manutenzjoni għal ħames snin, filwaqt li l-WSC se tieħu ħsieb it-tagħmir tekniku, sabiex in-nurseries ikunu jistgħu jiffukaw fuq it-tkabbir tat-talent żagħżugħ;
- Din l-inizjattiva hija appoġġjata minn diversi entitajiet tal-futbol lokali – inkluż l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA), l-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta' Għawdex (GFA), l-Assoċjazzjoni tal-Futbol taż-Żgħażagħ (YFA), u l-Assoċjazzjoni tal-Futbol taż-Żgħażagħ Għawdxin (GYFA) – li juri impenn kollettiv lejn ir-responsabbiltà ambjentali.
Josie Cassar, f'isem il-Malta Football Association, qalet, “L-għan tagħna bħala l-Malta Football Association hu li ngħinu kemm jista' jkun lin-nurseries u l-klabbs tal-futbol tagħna, speċjalment fejn jidħol il-benessri tat-tfal. Din l-inizjattiva se tgħin biex dawn it-tfal ikollhom aċċess għall-ilma tax-xorb meta jipprattikaw l-isport."
Stephanie Rocco, Segretarju Ġenerali tal-Youth FA, qalet li l-assoċjazzjoni laqgħet id-diskussjonijiet inizjali mal-Ministeru. Hija nnotat li l-inizjattiva tippermetti lit-tfal fin-nurseries jaċċessaw ilma tax-xorb nadif u sostenibbli filwaqt li jipprattikaw il-futbol. Youth FA se tikkollabora mal-EWA biex tħeġġeġ lin-nurseries japplikaw għall-iskema, b'appoġġ mill-klabbs li huma s-sidien legali ta' fejn jipprattikaw in-nurseries.
Nurseries tal-futbol li huma interessati biex jipparteċipaw jistgħu japplikaw bejn l-24 ta' Frar u t-23 ta' Mejju 2025 fuq bażi first come, first served. Iktar dettalji u informazzjoni dwar il-proċess, se jingħataw f'sessjoni ta' informazzjoni online fil-25 ta' Frar 2025 fil-5:00 PM, jew żur il-sit www.energywateragency.gov.mt/ilmaghalik-initiative.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN