STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU L-ITS iniedi sħubija internazzjonali għal korsijiet ġodda dwar l-eċċellenza fit-tisjir Mediterranju
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg iħabbar il-Mediterranean Gastronomy Educational Partnership
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ħabbar li l-Istitut tal-Istudji tat-Turiżmu (ITS) qed jingħaqad ma' żewġ istituzzjonijiet edukattivi ta' fama internazzjonali biex jintroduċi programmi innovattivi ta' studju ffukati fuq l-eċċellenza fit-tisjir Mediterranju.
Permezz ta' din l-inizjattiva, il-Mediterranean Gastronomy Educational Partnership, l-ITS qed jikkollabora ma' żewġ istituzzjonijiet edukattivi li huma internazzjonalment rinomati. Dawn huma, l-Institut Lyfe ta' Franza u CAST Alimenti tal-Italja. Din is-sħubija ġiet imnedija nhar il-Ġimgħa filgħodu f'wieħed mir-ristoranti tat-taħriġ tal-ITS f'Ħal Luqa, fil-preżenza ta' rappreżentanti mit-tliet istituzzjonijiet edukattivi, studenti u letturi tal-ITS, kif ukoll stakeholders ewlenin tal-industrija.
L-ewwel programm taħt din il-kollaborazzjoni, l-Advanced Programme in Mediterranean Gastronomy, se jibda din is-sena. Dan il-programm jikkonsisti fi tliet semestri; l-ewwel wieħed jiffoka fuq taħriġ intensiv fl-arti tat-tisjir Mediterranju, filwaqt li t-tieni wieħed jikkonċentra fuq l-aspett prattiku u kif dan it-taħriġ jista' jiġi applikat fid-dinja tax-xogħol biex itejjeb il-ħiliet professjonali. Dan il-kors huwa programm esklussiv iddisinjat biex iħejji esperti tal-kċina speċjalizzati fit-togħmiet u t-tekniki Mediterranji. L-istudenti se jkollhom opportunità unika biex jistudjaw fit-tliet istituzzjonijiet, fejn jiksbu esperjenza prattika f'diversi ambjenti kulturali u kulinarji.
Lil hinn minn dan il-programm, ITS, Institut Lyfe u CAST Alimenti qed jesploraw aktar opportunitajiet ta' kollaborazzjoni biex jintroduċu programmi oħra, inkluż dawk f'livell akkademiku avvanzat.
“Permezz ta' din il-kollaborazzjoni, l-ITS qed isaħħaħ il-pożizzjoni ta' Malta bħala ċentru ta' eċċellenza fil-gastronomija Mediterranja. Din is-sħubija hija aktar minn kollaborazzjoni akkademika iżda hija impenn biex intejbu t-talent, insaħħu l-opportunitajiet professjonali u nippromovu lil Malta bħala destinazzjoni ewlenija għal esperjenzi kulinarji awtentiċi," qal id-Deputat Prim Ministru Ian Borg.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech, iddeskriva dan bħala kapitlu ġdid għall-ITS u enfasizza li din il-kollaborazzjoni hija biss il-bidu, b'aktar żviluppi ppjanati għall-futur. Is-Sur Fenech spjega wkoll il-pjan li, flimkien mas-sħab internazzjonali, l-ITS jestendi lil hinn mill-arti kulinarja għal setturi oħra fi ħdan l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità.
Din is-sħubija ġdida għandha l-għan li tipprovdi lill-istudenti b'taħriġ ta' livell għoli, esperjenza prattika u esponiment għat-tradizzjonijiet tat-tisjir Mediterranju. Permezz ta' tagħlim fiż-żewġ istituzzjonijiet, l-istudenti se jiffokaw fuq it-titjib tal-ħiliet tagħhom, l-iskambju kulturali u l-kontribut fl-iżvilupp tal-kċina Mediterranja fuq skala globali.
L-ITS ilu jaħdem mal-Institut Lyfe, magħruf qabel bħala Institut Paul Bocuse, sa mill-2017 biex joffri l-programm Bachelor of Culinary Arts. Din il-kollaborazzjoni tippermetti lill-istudenti jqattgħu semestru jistudjaw f'din l-istituzzjoni prestiġjuża f'Lyon, Franza. Issa, bl-inklużjoni ta' CAST Alimenti, l-inizjattiva MGEP se testendi l-opportunitajiet edukattivi fil-gastronomija Mediterranja bi programmi oħra ta' studju.
Aktar informazzjoni dwar il-Mediterranean Gastronomy Educational Partnership tista' tinstab fuq mgep.its.edu.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN