STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Malta ser tkun qed tmexxi proġett Twinning Light mal-Montenegro
Waqt żjara fil-Montenegro mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, intlaħaq qbil li Malta tmexxi proġett Twinning Light bl-isem ta' Strengthening the Administrative Capacity of the Institute for Medicines and Medical Devices of Montenegro regarding the Requirements of the EU Accession Process.
Dan il-proġett huwa mmexxi mill-Awtorità Maltija għall-Mediċini b'kollaborazzjoni mal-Istitut għall-Mediċini u l-Apparat Mediku tal-Montenegro, u se jinkludi workshops, spezzjonijiet konġunti u analiżi konġunta tal-qafas legali, fost ħidma oħra. Dan il-proġett huwa mistenni li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tal-Istitut għall-Mediċini u l-Apparat Mediku tal-Montenegro u l-allinjament mal-istandards tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif f'dan il-proġett l-Awtorità Maltija tal-Mediċini qed tgħin lil Montenegro sabiex is-sistemi u r-regolamenti ta' din l-awtorità jkunu konformi ma' dawk tal-UE. “Dan huwa pass importanti ħafna għal Montenegro u pajjiżna kuntent li qed jgħin lil dan il-pajjiż jilħaq il-miri tiegħu," tenna l-Ministru Abela.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Awtorità Maltija tal-Mediċina Prof. Anthony Serracino Inglott qal kif pajjiżna ser ikun strumentali biex jgħin lil Montenegro jirregola dan is-settur, u kif din l-inizjattiva diġà bdiet taħdem b'suċċess hekk kif numru ta' spetturi mill-Montenegro ġew Malta u segwew spezzjonijiet f'waħda mill-fabbriki tal-mediċini f'pajjiżna.
F'laqgħa separata, il-Ministru Jo Etienne Abela ltaqa' mal-Ministru għas-Saħħa tal-Montenegro Vojislav Šimun fejn iddiskutew kif iż-żewġ pajjiżi jistgħu jikkollaboraw fejn tidħol d-diġitalizzazzjoni fis-settur tas-saħħa kif ukoll jaħdmu flimkien dwar mard mhux komunikabbli.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN