STQARRIJA MILL-UFFIĆĆJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta tħejji għar-raba’ Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Ewropa f’Mejju li ġej
Id-Deputat Prim Ministru Malti u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa jindirizzaw konferenza għall-aħbarijiet
Ir-raba' Presidenza ta' Malta tal-Kunsill tal-Ewropa se tiffoka fuq is-setgħa taż-żgħażagħ, il-protezzjoni tat-tfal, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, kif ukoll fuq il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tappoġġja lill-Organizzazzjoni hekk kif tkompli tfittex il-ġustizzja u r-responsabbiltà għall-Ukrajna.
Il-Ħamis filgħodu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg indirizza konferenza għall-aħbarijiet flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Alain Berset, li jinsab Malta għall-ewwel żjara uffiċjali tiegħu qabel il-Presidenza Maltija bejn Mejju u Novembru ta' din is-sena.
Din iż-żjara kienet opportunità sabiex Malta tidħol f'diskussjonijiet mas-Segretarju Ġenerali Berset, hekk kif qed tħejji għall-Presidenza ta' sitt xhur, li se taħbat ukoll mas-60 anniversarju tas-sħubija ta' Malta fil-Kunsill tal-Ewropa.
“Dan l-irwol, bħalma kien l-irwol tagħna fl-2023 u 2024, bħala membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda u ċ-Chairpersonship tal-OSCE fl-2024, se jkun qed iġib miegħu l-isfidi tiegħu, iżda wkoll se jġib opportunitajiet biex insaħħu l-multilateraliżmu f'perjodu fejn dan jinsab attakkat," qal id-Deputat Prim Ministru, filwaqt li żied li Malta trid tinvolvi ruħha b'mod proattiv fid-djalogu mal-istakeholders, u tippromwovi s-sinerġiji u l-kooperazzjoni fost l-istati membri.
“Billi niffukaw fuq l-inkoraġġiment taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, qed naħdmu biex nibnu fuq prattiċi ta' suċċess, bħal pereżempju l-Vot 16, kif ukoll il-possibbiltà li żgħażagħ ta' 16-il sena jkunu jistgħu jokkupaw il-kariga ta' sindki u viċi sindki b'taħriġ adegwat. Dan l-involviment u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet huwa kruċjali biex niżviluppaw politiki sostenibbli u fit-tul, kif ukoll demokraziji reżiljenti," qal id-Deputat Prim Ministru Borg.
Filwaqt li kkummenta dwar il-prijoritajiet l-oħra tal-Presidenza Maltija, huwa nnota li l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal hija responsabbiltà kondiviża, speċjalment quddiem ir-riskji dejjem jiżdiedu ta' abbuż u sfruttament online. Malta se taħdem ukoll biex tippromwovi l-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, filwaqt li tiffoka fuq il-prevenzjoni ta' dan.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Alain Berset qal, “Malta se tassumi din il-Presidenza fi żmien kruċjali għall-Ewropa u għall-governanza globali. Qegħdin ninnavigaw f'ambjent internazzjonali dejjem aktar inċert. L-Ewropa tinsab f'punt ta' bidla. Il-valuri fundamentali tagħna – id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt – huma mhedda."
Is-Segretarju Ġenerali spjega li m'hemm xejn li għandu jiġi meqjus bħala fatt ovvju “Għandna nibqgħu attenti u naħdmu b'determinazzjoni u koerenza. Quddiem theddid dejjem jikber għad-demokraziji tagħna, l-Ewropa trid tkun magħquda u soda fil-ħarsien tal-prinċipji ewlenin tagħha."
“Il-Kunsill tal-Ewropa jibqa' il-gwardjan ta' dawn il-prinċipji. Il-Presidenza ta' Malta se tkun opportunità ta' valur biex nimxu 'l quddiem flimkien u nsaħħu Ewropa li tibqa' leali lejn il-valuri tagħha, b'saħħitha quddiem l-isfidi, u magħquda fl-azzjoni," ikkonkluda s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN