STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg jappella lil-lukandiera għal iżjed investiment fis-sostenibbiltà, fl-AI u f’servizzi tal-ogħla livell
In-nefqa medja ta' kull turist tiżdied bi 3% u d-dħul għal kull kamra ta' lukanda jitla' b'7% fl-2024
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg ħeġġeġ lil-lukandiera u operaturi turistiċi oħra sabiex jinvestu aktar fis-sostenibilità ambjentali, f'sistemi msejsa fuq l-AI u fuq servizzi tal-ogħla kwalità, sabiex jiżguraw futur aktar b'saħħtu għall-industrija tat-turiżmu f'Malta.
Nhar it-Tnejn, id-Deputat Prim Ministru indirizza seminar tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) li fih tħabbru l-MHRA BOV Deloitte Q4 2024 Hospitality Performance Survey, analiżi ta' kull tliet xhur tal-prestazzjoni tal-lukandi f'Malta, kif ukoll ħarsa lejn ix-xejriet ewlenin fl-industrija tal-lukandi fl-Ewropa.
L-istħarriġ jindika li d-dħul medju għal kull kamra tal-lukandi ta' erba' u ħames stilel żdied b'7% meta mqabbel mas-sena ta' qabel. Juri wkoll li se jkun hemm prestazzjoni tajba għall-ewwel nofs tas-sena 2025, hekk kif l-ibbukkjar bil-quddiem qed jaqbeż il-livelli rrappurtati għall-istess perjodu sena ilu. L-istħarriġ jibni fuq ir-riżultati rekord tat-turiżmu fl-2024 li tħabbru mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-ġimgħa li għaddiet, fejn ħareġ li n-nefqa ta' kull turist fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet żdiedet b'5.5%, filwaqt li għas-sena kollha kien hemm żieda ta' 3%. In-nefqa totali tat-turisti fl-2024 żdiedet bi 23.1% u telgħet għal €3.3 biljun.
“Is-saħħa finanzjarja tal-industrija tat-turiżmu qed tkompli tissaħħaħ, hekk kif qed tiżdied il-ħila ta' Malta li toffri valur tajjeb filwaqt li tissokta bi tkabbir sostenibbli. Dawn ir-riżultati huma xhieda li Malta tibqa' destinazzjoni li tiġbed it-turisti, filwaqt li jikkonfermaw l-impenn bla heda tal-professjonisti f'din l-industrija, ir-reżiljenza tal-istess industrija, kif ukoll l-abbiltà tagħha li tattira t-turisti, anke f'suq globali li aktar ma jmur aktar qed isir kompetittiv," żied jgħid id-Deputat Prim Ministru.
B'ħarsa lejn il-futur, id-Deputat Prim Ministru sostna l-ħtieġa li dawk kollha f'dan is-settur ikomplu jinvestu fil-prodott turistiku Malti, b'enfasi fuq il-kwalità, it-trasformazzjoni diġitali u s-sostenibilità. “Il-lukandi f'Malta għandhom opportunità li jtejbu l-prattiċi sostenibbli tagħhom biex jattiraw lill-ammont dejjem jiżdied ta' vjaġġaturi b'kuxjenza ambjentali. Bħala destinazzjoni Mediterranja, li nħaddnu turiżmu ambjentalment sostenibbli jista' jsir wieħed mill-aspetti ewlenin li jattiraw it-turisti lejn pajjiżna," kompla jispjega.
Tkellem ukoll dwar iż-żieda fl-enfasi fuq it-trasformazzjoni diġitali tat-turiżmu, hekk kif appella lill-industrija tal-ospitalità sabiex tinvesti f'servizzi tat-klijenti u ta' effiċjenza operazzjonali msejsa fuq it-teknoloġija AI, sabiex jiksbu vantaġġ kompetittiv importanti. F'kumment dwar ir-riżultati tad-Deloitte European Hotel Industry and Investment Survey, id-Deputat Prim Ministru enfasizza ż-żieda fl-interess tal-investituri fl-oqsma tat-turiżmu ta' lussu, filwaqt li nżammet l-attenzjoni wkoll fuq l-oqsma ta' valur aktar ekonomiku. “L-operaturi Maltin għandhom jaraw li jwieġbu għal dawn ix-xejriet billi jsaħħu s-servizzi superjuri tal-ogħla livelli," żied jgħid.
Id-Deputat Prim Ministru fakkar li r-riżultati tajbin tal-2024 m'għandhomx iwasslu għall-kompjaċenza u nuqqas t'impenn, iżda saħaq li “flimkien, nistgħu nibnu fuq dawn is-sisien inkoraġġanti, lejn turiżmu ta' kwalità ogħla, aktar sostenibbli u aktar reżiljenti. Il-Gvern impenjat li jkompli jappoġġja lil dawk kollha involuti fit-turiżmu biex nibqgħu f'din id-direzzjoni."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN